It-TAKEOFF Seed Fund Award – TOSFA (L-Għotja ta’ Fondi Inizjali TAKEOFF) li ssir kull sena, ser titnieda fit-12 ta’ April 2019 biex tgħin riċerkaturi u intraprendituri bit-teknoloġiji u kunċetti ta’ negozju innovattivi tagħhom. Għas-sitt sena konsekuttiva, ser jiġi allokat total ta’ €100,000 permezz ta’ sejħa kompetittiva li hija miftuħa għal riċerkaturi u intraprendituri. Il-fondi se jingħataw permezz ta’ proċess fejn dawk applikazzjonijiet li huma miktuba bl-aqwa mod jiġu magħżula biex l-applikanti jagħmlu preżentazzjoni live biex jippruvaw jipperswadu panel ta’ ġurija, bl-aqwa applikanti jirċievu finanzjament.
Is-Seed Fund hija inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l-Università ta’ Malta bl-appoġġ tal- Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif, l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Dr Chris Cardona, qal li “bħas-snin ta’ qabel, il-Ministeru qiegħed jappoġġja ideat u teknoloġiji innovattivi sabiex il-viżjonijiet ta’ riċerkaturi u intraprendituri ġodda jkunu jistgħu jissarrfu f’realtà kummerċjali, u dawn l-ideat jitressqu eqreb lejn is-suq. Qegħdin naraw diversi stejjer ta’ suċċess li oriġinaw mit-TOSFA li qed iħallu l-frott u aħna ħerqana li nkomplu nappoġġjaw dan il-proċess.”
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella qal li “l-Università kienet dejjem minn ta’ quddiem li tappoġġja l-intraprenditorija u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka, kemm b’mod akkademiku kif ukoll attivament permezz ta’ għajnuna prattika disponibbli fl-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF u mill- Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif. L-aħħar ħames ċikli tat-TAKEOFF Seed Fund Award għenu 25 start-up u 15-il proġett proof of concept u aħna kburin li numru tajjeb minn dawn ġew żviluppati f’inizjattivi ta’ suċċess.”
Intraprendituri u start-ups li qegħdin jaħdmu fuq ideat għal prodotti u servizzi innovattivi huma eliġibbli għas-Seed Funds biex jgħinuhom jersqu pass eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment tagħhom. Riċerkaturi li qed jaħdmu fuq innovazzjonijiet żviluppati permezz tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Università ta’ Malta huma eliġibbli għall-fondi Proof of Concept biex jgħinuhom iwasslu t-teknoloġija tagħhom eqreb lejn il-kummerċjalizzazzjoni. Ser jingħata massimu ta’ €20,000 f’fondi lill-applikanti rebbieħa. Ir-rebbieħa tal-għotja jirċievu mentoring u appoġġ għall-isforzi tagħhom minn TAKEOFF u mill- Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif.
Sejrin isiru workshops biex jiġi spjegat il-proċess tal-applikazzjoni u jiġu pprovduti l-ħiliet u l-għodda meħtieġa biex tinħoloq proposta kompetittiva fit-2 ta’ Mejju għar-riċerkaturi tal-Università u fl-24 ta’ April għal intraprendituri. Dawn il-workshops huma obbligatorji għall-applikanti interessati kollha, u l-formola ta’ applikazzjoni finali tkun aċċettata biss jekk l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu rreġistraw u attendew il-workshop TOSFA rispettiv.
Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet bil-miktub għall-edizzjoni ta’ TOSFA għall-2019 hija t-Tnejn 27 ta’ Mejju f’nofsinhar. Għal aktar dettalji żuru www.takeoff.org.mt