Fi stqarrija rappurtata fuq it-Times, Allied Newspapers li għandha f’idejha l-pubblikazzjoni tat-Times qalet li Keith Schembri qatt m’għadda flus lill-kumpanija.
Allied Newspapers tat-Times qalet li jekk Schembri għadda xi flus lil Vince Buhagiar u Adrian Hillman, eks Diretturi Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, dan sar minn wara dahar id-diretturi l-oħra fil-bord tal-kumpanija.
Ċaħdet li l-kumpanija kellha xi kont fil-British Virgin Islands.
Allied Newspapers irreferiet għal rapport tal-gazzetta Illum tal-bieraħ fejn ġie allegat li l-kumpanija tat-Times setgħet frodat lil Malta Enterprise mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro.
Il-kumpanija tat-Times qalet li m’għandha l-ebda għarfien dwar irregolaritajiet għall-finanzjament ta’ fondi li kienet talbet mill-entità tal-istat, li ġġib l-investiment lejn pajjiżna u li tgħin lin-negozji.
Il-gazzetta Illum irrappurtat li l-inkjesta Maġisterjali, li waslet biex diversi persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus is-Sibt filgħaxija, talbet ukoll investigazzjoni fuq Michel Rizzo, id-Direttur Maniġerjali preżenti ta’ Allied Newspapers.
Kien irrappurtat kif fi programm ta’ għajnuna t-Times of Malta ħadet madwar miljun u seba’ mitt elf ewro u minn dak indikat jidher li dan l-ammont seta’ kien riżultat ta’ qerq minn naħa tat-Times of Malta.
L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello kien tqabbad mit-Times biex jagħmel rapport ta’ inkjesta interna iżda mitlub jikkummenta fuq din l-inkjesta huwa qal li fuq dan ir-rapport dwar l-operat tat-Times ta’ 13-il sena ilu, huwa marbut b’kunfidenzjalità.
Dan ir-rapport kien intalab f’perjodu li saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment bejn Adrian Hillman u Keith Schembri.
Intant is-Sibt l-Allied Newspapers tat-Times ħarġet stqarrija u qalet li mhux se tikkummenta iktar dwar dak li seħħ il-Qorti bil-għan li jitħallew il-proċeduri legali jimxu f’serenità.
“Allied Newspapers tesprimi x-xokk tagħha għall-aħbar li l-eks Direttur Maniġerjali, Vincent Buhagiar, tressaq il-Qorti,” qalet stqarrija ta’ Allied Newspapers, li żiedet li qed tistenna wkoll żviluppi dwar Adrian Hillman.
F’dan il-kuntest, ilbieraħ Saviour Balzan kiteb fuq il-Maltatoday u qal, “Jekk hemm parti li ħarġet feruta min dan l-iżvilupp hija t-Times”.
Balzan fakkar kif għal ħafna t-Times of Malta setgħet kienet simbolu ta’ midja ħielsa.
Intant Allied Newspapers qalet ukoll li mhux se tikkummenta iktar f’dan l-istadju biex tħalli l-azzjonijiet legali jipproċedu f’serenità sħiħa.