Allegazzjonijiet tad-Deputati Nazzjonalista Justin Schembri u Rebekah Borg dwar il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ġew imxejna b’deċiżjoni oħra mill-Ispeaker tal-Parlament.
Il-ġimgħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Schembri u Borg ħareġ stqarrija fejn talab biex l-Ispeaker jinvestiga lill-Ministru Grima għaliex skonthom il-Ministru ta tweġiba parlamentari li biha żgwida lill-Parlament.
Fit-talba tagħhom huma ammettew ukoll li lanqas il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma sab x’jinvestiga u talbu rimedju mill-Ispeaker iżda fis-seduta tal-lejla, f’ruling li ta, l-Ispeaker Anġlu Farrugia nnota ċar u tond li dwar tweġiba parlamentari marbuta ma’ liċenzjar ta’ istituzzjonijiet edukattivi ma kien hemm l-ebda żvijar mill-Ministru Grima.
Meta kienet intalbet l-investigazzjoni, il-Ministru Grima kien minnufih ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li għamlu tagħhom Justin Schembri u Rebekah Borg u issa dan kollu ġie kkonfermat b’deċiżjoni mill-Parlament.