- Jirreaġixxi l-Ministru Konrad Mizzi
B’reazzjoni għal artiklu fit-Times of Malta bit-titlu “Tax probe ‘missed’ Pilatus Bank accounts”, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul qal li l-allegazzjonijiet qed isiru migħajr provi u huma purament spekulattivi, apparti li ma jirriflettux il-mod ta’ kif dawn it-tipi ta’ każijiet jiġu investigati.
It-Tax Compliance Unit (TCU) ikkonferma li l-ebda każijiet ta’ awditjar ma nfetħu jew reġgħu nfetħu mill-ġdid.
Wara spekulazzjonijiet dwar investigazzjonijiet li saru mit-TCU, kemm il-Kummissarju għad-Dħul u kif ukoll id-Direttur Ġenerali tat-TCU tennew li l-awtoritajiet fiskali ma jikkummentawx dwar ir-riżultat ta’ każijiet individwali.
Fil-każ dwar il-Panama Leaks, l-awtoritajiet fiskali diġà infurmaw lill-midja li bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet dwar kull każ, kif isir bħal dejjem.
Intant għall-istess rapport irreaġixxa fi stqarrija l-Ministru Konrad Mizzi fejn sostna li hu qatt ma kellu kont bankarju mal-bank Pilatus.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministru Mizzi jirriserva d-dritt tiegħu biex jieħu aktar azzjonijiet legali fejn riċentament hu diġà fetaħ għadd ta’ libelli f’dan ir-rigward.