Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, David Pace, qiegħed jiffaċja l-akkuża li seta’ daħħal flus mill-professjoni ta’ perit fl-istess żmien li kien qed iservi f’din il-kariga kostituzzjonali.
Din hija xi ħaġa li mhix permessa u għalhekk Pace qed ikun mixli b’aġir mhux etiku u li jitfa’ dawl ikrah fuqu meta jokkupa kariga tant sensittiva.
Jirriżulta li l-ilment dwar David Pace wasal b’mod anonimu għand il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-ispeaker. Tagħrif li għandu one.com.mt jgħid li għalkemm it-tagħrif wasal b’mod anonimu huwa dokumentat tajjeb ħafna.
F’dawn id-dokumenti jirriżulta li isem David Pace intuża biex post li kien iservi bħala maħżen fi triq it-teatru l-antik fil-Belt, inbidel għal bejjiegħ tal-ħut.
Xi ħaġa li fi kliem min qed jitlob l-investigazzjoni setgħet tefgħet pressjoni mhux xierqa fuq l-Awtorità tal-Ambjent u li jekk tirriżulta veritiera tkun tfisser ksur ta’ liġi ċar.
F’rapport fil-Maltatoday kien spjegat ukoll li Pace huwa l-azzjonist ewlieni tal-kumpanija Datum Limited, li l-perit tagħha Katya Agius irrappreżentat lill-klijent.
“Mhux se ngħid min jien, imma nistenna azzjoni,” qal minn bagħat dawn id-dokumenti.
Huwa artiklu erbgħa tal-att dwar l-Ombudsman li jgħid li l-Ombudsman m’għandu jagħmel ebda xogħol bi qligħ li jista jkun ukoll inkompatibbli mal-irwol tiegħu. Interessi oħra għandhom ikunu iddikjarati lill-ispeaker. Ir-regoli li japplikaw għall-Ombudsman japplikaw għall-Kummissarji fl-Uffiċċju tiegħu.