Skont rapport fit-Times, fix-xhur li għaddew uffiċjali minn temping agencies allegatament qalu lil ħaddiema prospettivi li, fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, għandhom iniżżlu li jdaħħlu biss il-Paga Minima, skont il-liġi Maltija, anke jekk jaqilgħu ferm aktar. B’hekk ma jkunux obbligati li jħallsu iżjed minn €150 fix-xahar.
Filmati li ntbagħtu lit-Times, juru uffiċjali tal-kumpaniji WT Global u Ferruggia, li jingaġġaw lil dawn il-ħaddiema f’Malta, jgħidulhom li se jimpjegawhom b’kuntratti ta’ paga minima, irrispettivament minn kemm idaħħlu fil-verità.
JobsPlus ikkonfermat ma’ ONE News li hemm aġenziji, li jingaġġaw ħaddiema magħhom, li jinsabu taħt investigazzjoni, waqt li twaqqfulhom ukoll applikazzjonijiet ġodda.