Negozjanti lokali xehdu li biegħu titjiriet minn u lejn il-Kolumbja u mijiet ta’ ewro f’ġugarelli sesswali, lubrikanti u kondoms lil persuni li bħalissa jinsabu mixlijin li b’traffikar uman ta’ nisa lejn Malta bl-iskop ta’ prostituzzjoni.
Dan hekk kif quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra d-disa’ persuni akkużati.
Fis-seduta t-Tlieta xehed rappreżentant minn aġenzija tal-ivvjaġġar, li identifika lil Luke Farrugia u Gordon Cassar bħala żewġ persuni li kienu jixtru biljetti tal-ivvjaġġar għall-Kolumbja għal xi ħbieb, dejjem bi flus kontanti.
Xehed ukoll sid ta’ ħanut li jbigħ oġġetti li jintużaw fis-sess li, waqt li identifika lil Gordon Cassar, Clint D’Amato u Alexandra Pocora, qal li dawn kienu jixtru mingħandu regolarment.
Spikkat ukoll xhieda ta’ ġara fil-blokka ta’ appartamenti fejn kienu qed jitħaddmu n-nisa barranin bħala prostituti. Din qalet li, matul l-aħħar sena, rat ħafna rġiel differenti deħlin u ħerġin minn appartament partikolari fil-blokka.