ONE News jinsab infurmat li barrani tressaq il-Qorti t’Għawdex mixli fost oħrajn b’moħqrija tal-annimali.
Il-każ seħħ f’razzett fix-Xewkija fejn il-pulizija elevat filmat minn kameras tas-sigurtà li allegatament juru lill-akkużat isawwat debba b’rim tal-ħadid u tyres.
Minn informazzjoni esklussiva li kiseb ONE News jirriżulta li fil-filmat ir-raġel jidher allegatament iniżżel il-qalziet biex ikollu x’jaqsam mad-debba.
Il-każ ġara fil-jum tal-Erbgħa u l-barrani ġie arrestat l-għada wara li kien ntlemaħ idur fl-akwati tar-razzett fejn seħħ l-allegat att.
Jirriżulta li sid ir-razzett għaraf l-imputat u prova jżommu bid-diskors.
Meta l-imputat telaq, dan baqa’ jiġi segwit, sakemm ġew il-pulizija u arrestawh barra s-supermarket tal-LIDL li hemm barra r-Rabat, Għawdex.
Nifhmu li d-debba, li allegatament ġiet maħqura kienet imgerxa u dan ġie nnutat mir-raħħal meta mar biex jagħlef il-bhejjem.
Aktar dettalji b’rabta ma’ dan il-każ, fil-ħin li ġej.