Bernard Attard ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li weġġa’ lil sieħbu b’ħadida.
Huwa tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħodu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea hekk kif kien akkużat ukoll li hedded lil sieħbu filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ieħor u li kien ukoll riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur John Sammut spjegat li fis-6 ta’ Marzu, il-vittma mar mal-bieb tal-akkużat, fuq argument b’rabta ma’ ftehim dwar karozza, b’Attard ħareġ għalih b’ħadida. Hawn instema’ kif l-akkużat kisser il-karozza tal-vittma filwaqt li ħebb għalih b’riżultat li kkawżalu wkoll ġrieħi ħfief.
Sammut spjega wkoll li l-vittma ħebb għall-missier Attard u wkoll ikkaġunalu xi ġrieħi biex b’hekk dan se jkun qed jitressaq il-Qorti fil-futur qrib. Huwa mifhum li l-vittma uża pepper spray taż-żwiemel fuq missier l-akkużat.
Attard wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u permezz tal-avukati tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-imputat diġà kien qiegħed fuq bail.
It-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet milqugħa mill-Qorti fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li Attard jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Il-ħelsien mill-arrest ngħata wkoll fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
L-Avukati, Jose Herrera, Matthew Xuereb u Alexander Scerri Herrera assistew lill-akkużat.