Illum bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-koppja Yvette u Gordon Debono mixlija b’ħasil ta’ flus. Fl-awla tal-Qorti ġie żvelat kif l-investigazzjonijiet fuq il-koppja u l-kumpaniji tagħhom bdew fl-2013 mill-awtoritajiet Taljani.
Hawn l-avukat tad-difiża talab sabiex il-Maġistrat Donatello Frendo Dimech tirrikuża ruħha fuq il-bażi tal-possibiltà li hi setgħet tkellmet mal-awtoritajiet Taljani fi snin preċedenti fuq dan il-każ. Għal dan il-Maġistrat qalet li hi se tirrikuża ruħha biss jekk tinnota dettalji li hi stess setgħet kienet taf bihom qabel, iżda żiedet li mhuwiex ġust li xi ħadd jagħmel akkużi bħal dawn mingħajr ebda evidenza.
L-ispettur Omar Caruana xehed fil-Qorti kif l-investigazzjonijiet fl-2013 bdew wara li l-pulizija rċevew informazzjoni kunfidenzjali, u għalhekk, Operazzjoni Proteus seħħet flimkien mal-Europol u l-awtoritajiet Taljani. Fl-investigazzjoni ġiet analizzata informazzjoni finanzjarja, fejn fost l-oħrajn, instab kif Gordon Debono rċieva iktar minn nofs miljun ewro mill-kumpanija Petroplus, kumpanija li hu stess kien id-direttur tagħha.
Min-naħa tagħha, Yvette Debono kellha mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’diversi bankijiet lokali minkejja l-fatt li għal dawn l-aħħar tmien snin ma kinitx taħdem. Instab ukoll li Yvette Debono kienet xtrat propjetajiet f’Ċipru li jammontaw f’valur ta’ miljun u seba’ mitt elf ewro.