Terence Vella, ta’ 40 sena mill-Imsida, inżamm arrestat wara li ġie mixli b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq ommu.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, intqal kif kien rapport mid-Direttorat tal-Anzjanità Attiva li ressaq il-każ mas-sezzjoni tal-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Kien hawn li nstab li Vella kien allegatament jimmanipula, jabbuża u jieħu ammonti ta’ flus mingħand ommu, tant li ħalliha b’erbatax-il ewro biss fil-kont bankarju.
Il-mara qalet li kienet saħansitra tittalab għall-flus mal-ġirien biex tagħtihom lill-binha, li għandu l-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni xehdet kif l-akkużat, ma ċaħadx li kien jitlob il-flus lil ommu iżda semma persuna oħra li kellha l-vizzju tad-droga u li marret tgħix fl-istess residenza.
L-akkużat kien qal li din il-persuna għamlet it-transizzjonijiet bil-card t’ommu.
Intqal kif minn spezzjoni li saret, id-dar fejn kienu jgħixu, instabet fi stat li lanqas għall-annimali mhu xieraq jgħixu fiha, filwaqt li l-fridge kienet vojta.
Fil-fatt, waqt li l-omm kienet qed tiġi mitkellma mill-Pulizija, kien se jagħtiha ħass ħażin aktar minn darba, tant li tawha x’tiekol u tixrob.
Minkejja li l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u huwa baqa’ jinżamm arrestat.