Kompla jinstema’ l-każ ta’ raġel li fl-Għid li għadda allegatament hedded li kien se jispara lil bintu u żewġt itfal oħrajn. Huwa allegatament għamel dan wara li ssuspetta li martu kienet qed taqlibhielu ma’ missier it-tifla li tgħix magħhom, li hija ffosterjata.
Fil-Qorti xehdet it-tifla ta’ ħmistax-il sena li hija ffosterjata mill-koppja, li sostniet kif hija dejjem kellha relazzjoni tajba mal-imputat.
Qalet li l-problemi bdew meta qalet lil mart l-akkużat li tixtieq tqatta’ xi ħin ma’ missierha naturali. Intqal ukoll li t-tifla setgħet saret taf min hu missierha l-bijoloġiku meta dan avviċina lil mart l-imputat u qalilha li xtaq iqatta’ xi ħin ma’ bintu.
Minkejja dan, l-Aġenzija Appoġġ qalet li t-tifla setgħet tiltaqa’ ma’ dan ir-raġel fil-preżenza ta’ adult, sakemm it-testijiet tad-DNA jistabbilixxu li dawn jiġu minn xulxin.
Fil-Qorti ntqal kif mart l-imputat ma riditx tiltaqa’ mar-raġel li jgħid li huwa missier it-tifla, iżda fl-aħħar qalet iva, u hi u t-tifla ltaqgħu miegħu.
Meta dawn waslu lura, l-imputat allegatament ħa l-mobile ta’ martu u keċċa lilha u lit-tifla ’l barra, wara li allegatament qabadha minn xagħarha u sabbatha ma’ gwardarobba.
Intqal kif wara dan, it-tifla u kuġintha kienu qiegħdin f’kamra u allegatament raw lill-imputat b’pistola żgħira li beda jikkargaha filwaqt li ċempel lil martu u ordnaha tiġi lura.
Kien hawn li allegatament qal lil martu li jekk ma tiġix lura f’minuta, joqtol lit-tfajliet u lilu nnifsu. Meta waħda mit-tfajliet lemħet karozza tal-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija, huma ħadu l-opportunità u ħarbu.