Fil-Qorti nstema’ l-każ tal-Ispettur Elton Taliana ta’ 41 sena u li bħalissa jinsab sospiż mill-Korp, li qed jiġi akkużat li li għadda informazzjoni lill-Avukat ta’ Yorgen Fenech dwar investigazzjoni ta’ Julian Hofstra. Dan kien issemma wkoll f’rekordings ta’Melvin Theuma b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-qorti ntqal kif l-informazzjoni li allegatament għadda l-ispettur kienet f’sistema diġitali tal-pulizija.
Fix-xhieda tiegħu is-Supretendent James Grech qal li iżjed minn darba kien irċieva telefonata minn persuna li qiegħda l-Ħabs fl-Olanda bl-isem ta’ Hofstra, li kienet tistaqsi għaliex żaruh l-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca, u wrewh dokumenti tal-pulizija b’informazzjoni personali tiegħu.
L-Ispettur Grech qal li ordna li ssir tfittxija fis-sistema, u nstab li fl-erba’ ta’ Jannar, Taliana aċċessa dokumenti ta’ Hofstra mill-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara.
Intqal kif wara li l-pulizija ssekwestraw il-mobile tal-akkużat instabu diskussjonijiet bejn l-akkużat u l-akuvat Mercieca fejn kien hemm ritratt tal-informazzjoni ta’ Hofstra li kienet tidher li ttieħdet mis-sistema diġitali tal-pulizija.
Taliana ammetta li hu kien tkellem mal-avukat Mercieca iżda qal li l-intenzjoni tiegħu dejjem kienet li sempliċiment jiġbor informazzjoni relatata ma’ investigazzjoni oħra u għalhekk wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-każ se jkompli jinstema’ fit-18 ta’ Mejju.