Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma sabet l-ebda provi dwar xi att ta’ korruzzjoni mill-Ministri Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli. Dan joħroġ minn rapport tal-Kummissjoni b’rabta ma’ programm tal-aħbarijiet Franċiż li b’allegazzjonijiet infondati dwar l-iskema ta’ programm ta’ ċittadinanza b’investiment, li issa jirriżulta li ma kienu xejn għajr gideb.
Il-programm tal-aħbarijiet Franċiż kien semma li kien hemm trattament preferenzjali ma’ ditta tal-avukati u l-klijenti tagħhom, għax skontu ż-żewġ Ministri kienu ħbieb tagħha.
L-istorja, li kienet ġiet imbottata mill-Partit Nazzjonalista u l-establishment, attakkat liż-żewġ Ministri fi stil tipiku ta’ dawk li jridu jagħmlu ħsara lil pajjiżna akkost ta’ kollox, biex issa reġa’ ħareġ bil-fatti li din ma kienet xejn ħlief gidba oħra.
Fuq il-midja soċjali, iż-żewġ Ministri kkummentaw dwar dan l-iżvilupp u wrew is-sodisfazzjon tar-rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, anke jekk kienu jafu u konvinti li l-programm Franċiż, instigat minn idejn moħbijin tal-establishment Nazzjonalista, kien sempliċiment qed jigdeb.
l-Ministru Owen Bonnici tenna li dak li qed jipprovaw jagħmlu n-nies midħla tal-establishment hu ċar, jiġifieri li jirrikorru għall-attakki personali. Intqal li jattakkaw lill-membri tal-Gvern u lil kull min b’xi mod hu konness, anke qraba, bla ndiema ta’ xejn.
Il-verità u dak li hu sewwa għalihom ikunu biss dettall u mhux importanti, saħaq Dr Bonnici, waqt li nnota li l-establishment Nazzjonalista, li jippretendi li għandu d-dritt divin li jiggverna dejjem, ma jafx aħjar.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li, fix-xhieda tagħha quddiem din il-Kummissjoni, spjegat li dan kien attakk sistematiku fuq pajjiżna. Hi tenniet li ġurnalisti Franċiżi kienu talbuha intervista dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u f’intervista ta’ ftit iżjed minn kwarta ma staqsewha xejn fuq li dak li suppost ġew għalih.
Minn dan ir-rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni ħareġ li l-allegati ħbiberiji tal-Ministri kienu insinifikanti u redikoli.
Fil-każ tal-Ministru Bonnici, bħal ħaddieħor, hu kien avukat prattikanti sal-2013 fil-professjoni tiegħu, waqt li fil-każ tal-Ministru Farrugia Portelli saħansitra jmorru lura għal meta hi kienet fil-Primarja ta’ għaxar snin u kienet tkun fuq l-istess vann tal-iskola ma’ membri tad-ditta ta’ avukati.
F’temp ta’ ġimgħa, dan kien it-tieni każ fejn instab li l-establishment Nazzjonalista vvinta l-gideb fuq il-Partit Laburista fil-Gvern u l-membri tiegħu. F’każ preċedenti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Michael Farrugia wkoll ma nstabux ħatja ta’ korruzzjoni mill-istess Kummissjoni b’rabta ma’ laqgħat jew rigali li involvew lil Yorgen Fenech.
Il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hi ppresedut mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano u tinkludi wkoll lill-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u l-Avukat Philip Magri.
Iż-żewġ Ministri tennew li l-onestà tirbaħ fuq il-ħmieġ u episodji u attakki, bħal dawn, minn min għandu l-intenzjoni li jrażżan il-ġid mill-Gvern Laburista, jimlewhom b’aktar enerġija minn qatt qabel biex ikomplu jaħdmu biex jagħmlu d-differenza għall-ġid tal-poplu kollu.