Raġel ta’ 22 sena mill-Ghana qed jinżamm arrestat wara li s-Sibt tressaq il-Qorti akkużat li żamm tfajla ta’ 16-il sena kontra l-volontà tagħha, b’pussess u traffikar tad-droga u li anke kkawża ġrieħi fuq żewġ pulizija. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Allegatament it-tfajla kienet qed tinżamm kontra l-volontà tagħha fid-dar tar-raġel fil-Marsa. Hija nstabet mill-pulizija fuq il-bejt tad-dar wara li nhar il-Ħamis li għadda l-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun irċevew informazzjoni dwar it-tfajla.
It-tfajla ma sofriet l-ebda ġrieħi u ttieħdet l-għassa biex tgħin fl-investigazzjoni tal-Pulizija. Filwaqt li r-raġel flimkien ma’ tliet persuni oħra li wkoll kienu fid-dar ġew arrestati għall-iżjed stħarriġ.
Intant, minn tfittxija li saret fil-post, il-Pulizija sabet droga allegatament kannabis u droga sintetika, flimkien ma’ oġġetti relatati mat-traffikar tal-istess sustanzi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tmexxew mid-Distrett tal-Ħamrun bl-assistenza tas-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga.
Il-Qorti kienet ipperseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq.