Surġent li kien jieħu ħsieb il-kċina ta’ Kandja u tad-Depot tal-Pulizija instab li ffroda €36,000 f’sena waħda biss. Dawn il-frodi, li ninsabu informati li s-surġent ammetta, ħarġu fil-beraħ wara li għall-ewwel darba sar eżerċizzju ta’ awditjar.
Sorsi informati tajjeb qalulna li l-frodi ilhom għaddejjin snin twal, iżda huwa issa li qed isir l-awditjar li qed joħorġu fil-beraħ. Sorsi oħra qalulna li s-surġent kien jhedded lill-Pulizija oħra biex ma jidħlux membri f’unjins, u kien hemm sens ta’ biża biex ħadd ma jitkellem. L-awditjar qed isir issa fuq insistenza tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union.
Is-surġent għadu ma tressaqx il-Qorti, għax għad iridu jinġiebu provi konkreti. Għad li saru investigazzjonijiet fil-passat, qatt ma kien joħroġ xejn fil-beraħ. Ninsabu informati li qed issir investigazzjoni wkoll mill-IAID, għax hemm diskrepanzi kbar fil-kotba tal-korp.
Sorsi qalulna li riċeviment wieħed sewa xejn inqas minn €45,000, meta l-massimu li jista’ jiswa huwa €5,000. Dan għaliex it-tisjijr isir isir mill-Pulizija stess, u jservu l-ikel huma wkoll.