Liam Debono allegatament intlemaħ minn uffiċjal tal-pulizija li ma kienx xogħol isuq BMW b’mod perikoluż ftit ġimgħat qabel ġie arrestat.
Dan ħareġ meta kompla l-każ li fih Debono jinsab akkużat li saq Fiat mingħajr liċenzja fil-24 ta’ Mejju li għadda. Dan waqt li kien bil-ħelsien mill-arrest b’rabta mal-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri.
Intqal kif pulizija bil-frank kien qed isuq il-karozza tiegħu meta ra lil Debono isuq b’mod perikoluż fi triq fiż-Żejtun ftit ġimgħat qabel ma ġie arrestat.
Xehdet sidt il-BMW Kirsty Zammit, li taħt ġurament qalet li xtrat il-BMW mingħand missierha, Jason Zammit. Hija qalet li meta l-karozzi jkunu fil-garaxx ta’ missierha tkun ċerta li l-karozzi ma’ kinux jinħarġu, hekk kif hi għandha ċ-ċwievet tal-karozzi. Madanakollu, il-Maġistrat Joe Mifsud widdeb lix-xhud sabiex tgħid il-verità filwaqt li l-prosekuzzjoni staqsietha jekk missierha għamilx xi kopja taċ-ċwievet. Hi qalet li ma tafx.
Jason Zammit xehed li kien ma’ Debono meta ġie arrestat, iżda ma wiġibx meta mistoqsi min kien qed isuq il-Fiat fil-jum tal-arrest. Dan sabiex ma jinkriminax ruħu.
Qal li l-BMW kienet f’isem bintu l-oħra iżda kellu jdawwarha fuq Kirsty minħabba li m’għandhiex liċenzja. Ix-xhud spjega li ġieli saq il-vetturi ta’ bintu fil-preżenza ta’ Debono, iżda dan tal-aħħar qatt ma saq il-karozzi ħlief f’xi okkażjonijiet ġo proprjetà privata waqt li kien qed jaħsel il-karozzi.
Xehdet ukoll l-uffiċjal tal-probation inkarigata minn Debono li qalet li ma segwitx lill-akkużat peress li kienet qed issegwi direttivi tal-unjin.
Missier l-akkużat, Anton Debono, ittella’ biex jixhed iżda dan iddeċieda skont il-liġi li ma jixhidx.
Fi tmiem tas-seduta kemm id-difiża kif ukoll il-prosekuzzjoni ddikjaraw li m’għandomx iżjed xhieda xi jtellgħu, bil-kawża ġiet deferita għal data oħra meta se tingħata s-sentenza.