Fis-sitta u nofs ta’ dalgħodu il-Pulizija ta’ San Ġiljan ġew infurmati li allegatament Taljana ta’ 30 sena nħatfet waqt li kienet fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorg.
Żewg persuni, minn Niġerja u Burkina Faso, allegatament ħatfu lill-mara u saqu lejn Pembroke. Bl-għajnuna tal-persuni li kien hemm fuq il-post, ġiet identifikata l-vettura li kienu qegħdin jużaw dawn il-barranin, u l-Pulizija telqu minnufih fid-direzzjoni indikata.
Malli waslu fl-akwati ta’ Pembroke, ġiet innutata vettura pparkjata, bħal dik li kienet ġiet deskritta minn xi nies fuq il-post tal-inċident aktar qabel. Ħdejn il-vettura kien hemm raġel jippassiġġa li malli ra lill-Pulizija, ħarab jiġri minn fuq il-post, iżda ġie arrestat ftit wara.
Il-Pulizija innutaw li fil-vettura kien hemm raġel ieħor kif ukoll tfajla. Għaldaqstant ir-raġel ġie miżmum mill-Uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li ssejħet ambulanza sabiex tieħu lill-mara l-Isptar Mater Dei ħalli tingħata l-kura meħtieġa peressli hija allegat li kienet ġiet stuprata.
L-irġiel, li l-età tagħhom hija ta’ bejn it-34 u s-36 sena, qegħdin jinżammu mill-Pulizija biex jassistu fl-investigazzjonijiet.
Il-vittma għadha qed tinżamm l-Isptar filwaqt li hija ukoll qegħda tassisti lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha.