Żewġ sajjieda ngħataw il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li tliet sajjieda Eġizzjani baqgħu jinżammu arrestati, wara li allegatament kienu involuti fi ġlieda li ħalliet raġel midrub.
Iż-żewġt aħwa Jonathan Caruana ta’ tlieta u tletin sena u Adrian Caruana ta’ sebgħa u erbgħin sena, tressqu l-Qorti mixlija li darbu sajjied ieħor.
Fil-Qorti l-aħwa Caruana qalu li huma kienu qed jipproteġu lilhom innfushom u wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġuba kontrihom.
Huma ngħataw l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ sebat elef ewro.
Ahmed Abdelshafy Farid Kiwan, Ahmed Hossny Ali Elkhamisy u Mohammad Zakaria Abdelkhalek Abdelwahab, tressqu l-Qorti lbieraħ akkużati li attakkaw, heddew u kkawżaw ġrieħi ħfief fuq l-aħwa Caruana.
Huma ċaħdu l-akkuża miġjuba kontrihom.
It-talba għal ħelsien mill-arrest ma kinitx milqugħa minħabba li l-imputati ma għandhomx indirizz fiss fuq l-art għaliex huma jgħixu fuq dgħajsa tas-sajd.