Issoktaw l-allegazzjonijiet b’rabta ma’ irregolaritajiet fil-VISAS mediċi, minkejja li sal-lum il-pulizija ma rriżultala xejn minn investigazzjoni li għamlet.
Kien Ivan Grech Mintoff, u eventwalment il-Partit Nazzjonalista, li tul il-jum tas-Sibt komplew jgħidu li tħallsu flus li qatt ma kellhom jitħallsu. Grech Mintoff għamel konferenza tal-aħbarijiet li fiha rrefera għal programm li għamel ma’ Ben Nasan, Sirjan li jgħid li hu Libjan u li qed jagħmel l-allegazzjonijiet.
Ben Nasan kien jaħdem kemm mal-Gvernijiet ta’ Tobruk kif ukoll ma’ dak ta’ Tripli, sakemm twaqqfu l-kuntatti kollha li kellhom miegħu wara affaċċja allegazzjonijiet mill-aktar serji ta’ serq ta’ fondi. Iżda Grech Mintoff ma riedx iwieġeb dwar dan u għadd kbir ta’ każi oħra li Nasan iffaċja.
“Ara l-programm u tara jekk uwiex kredibbli” qal Grech Mintoff.
Aktar minn hekk Ben Nasan kellu l-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza f’Malta miċħuda għal darba darbtejn, kemm mis-Servizzi tas-Sigurtà kif ukoll mill-pulizija tal-Immigrazzjoni. Staqsejna lil Grech Mintoff, li tant qed jiddefendi lil Ben Nasan, kif sar jafu u għaliex jafda tant fuq li jgħidlu. Mistoqsji jgħdilna kif jafu lil dan Benasan, Grech Mintoff qal li dan ċempel fil-programm.
Iva Wara din il-konferenza dlonk ħareġ il-Partit Nazzjonalista jattakka l-gvern.
Fi stqarrija l-gvern qal li pajjiżna għandu relazzjoni tajba ħafna mal-Libja u l-kuntatti diplomatiċi huma kontinwi. Qal li kuntrarju għal dak li qed jallega s-Sur Ivan Grech Mintoff, il-Gvern m’għandu ebda informazzjoni li saru xi kuntatti uffiċjali kif isir normalment bejn gvern u ieħor. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jibbaża ruħu fuq sensiela ta’ allegazzjonijiet li ilhom li bdew u għadhom qed jiġu investigati mill-Pulizija. “Ikun aħjar li l-Oppożizzjoni tivverifika indipendentement l-attendibilità tal-istqarrijiet tas-Sur Grech Mintoff minflok isserraħ fuqhom sempliċiment għax qed jattakkaw lill-Gvern,” temm jgħid l-gvern.