Għal dan il-Milied Bronk Productions qed ittella’ pantomima oħra li bla dubju se tinżel tajjeb ma’ dawk kollha li se jattendu għaliha. Taħlita wisgħa ta’ karattri mill-istejjer tat-tfal għal oħrajn fittizji li jolqtu lit-tfal, żgħażagħ u aduli. L-istorja ta’ Alice in Wonderland kulħadd jafha. Il-karattri xi ftit strambi tal-Minions nafuhom ukoll. Imma kif se tiżviluppa l-istorja ta’ din il-pantomima magħġuna minn dawn il-karattri kollha flimkien? Din hija sorpriża li żgur ħadd ma jkun qiegħed jistenna.
L-istorja ta’ din il-pantomima tiżvolġi kemm f’Wonderland kif ukoll f’Malta. Alice, tfajla żagħżugħa tiltaqa’ ma tliet kreaturi b’forma kemmxejn stramba li ssir taf li jgħidulhom Minions. Ommha, d-dama Michelle tinħasad meta tara lill-Minions wara biebha pero meta jsiru jafu lil xulxin malajr isiru ħbieb. Jiġri li Alice tkun iddejqet tgħix fir-razzett ma’ ommha u tkun tixtieq tfittex futur f’pajjiż ieħor. Bl-għajnuna ta’ Toninu l-fenek, Alice titlaq mir-raħal fejn kienet tgħix u bla ma taf kif issib ruħha f’Wonderland. Fl-istess perjodu f’Wonderland ikun għadu kif seħħ kolp ta’ stat fejn ir-reġina l-ħamra taħtaf il-poter minn idejn ir-regina l-bajda u tiddikjara lilha nfisha bħala r-reġina l-ġdida ta’ Wonderland. Imma r-reġina l-ħamra kuntrarju għar-reġina l-bajda, tkun kattiva u ma ġġib rispett lil ħadd tant li ċ-ċittadini onesti jduru kontra tagħha u jibdew ifasslu pjan biex jerġgħu itajjruha mill-poter u jaħtru reġina ġdida. Tgħid dan il-pjan jirnexxi? U jekk iva min se tkun ir-reġina l-ġdida ta’ Wonderland. U l-power station kif tidħol f’dan kollu?
Din il-pantomima għandha kitba u direzzjoni ta’ Tonio Vella u lirika tal-kanzunetti ta’ Vince Fabri. Iż-żfin se jkun f’idejn il-Wild Strength Dancers. Se jieħdu sehem numru ta’ atturi li għandhom esperjenza vasta f’dik li hija pantomima.
Għal din is-sena qegħdin nagħtu pakkett sabiħ ta’ rigali lit-tfal kollha li se jattendu.
‘Alice u l-Minions fil-Pajjiż tal-Meravilji’ se tittella’ fit-teatru Sir Temi Zammit fl-Universita ta’ Malta bejn il-25 ta’ Diċembru u t-8 ta’ Jannar. Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21223347/27223347 jew idħlu fis-sit elettroniku www.activemalta.com.