L-ex Prim Ministru Laburista u MEP Laburista Alfred Sant se jitkellem dwar l-isfidi ġodda ta’ Malta fl-Ewropa u jippreżenta l-viżjoni tiegħu għal Malta bħala stat membru tal-UE f’konferenza dwar il-futur ta’ Malta fl-Ewropa.
“X’impatt se jħalli it-tluq tar-Renju Unit mill-UE fuq l-oppożizzjoni ta’ Malta għall-armonizzazzjoni tat-taxxa, x’effett iħalli fuq is-settur finanzjarju ta’ Malta, x’futur jeżisti għall-agrikoltura f’Malta u f’Għawdex, f’liema pajjiżi jistgħu jkomplu jistudjaw studenti Maltin u Ghawdxin wara t-tluq tar-Renju Unit mill-UE, Brexit kif se jaffettwa t-turiżmu mir-Renju Unit? Iż-żona ewro, kif proposta minn Franza u mill-Ġermanja, kif se taffettwa l-ekonomija Maltija?”
Il-Konferenza se tiddiskuti wkoll il-komposizzjoni ġdida tal-Parlament Ewropew wara l-25 ta’ Mejju. Fl-aħħar snin u xhur kompla jonqos l-appoġġ għall-partiti tradizzjonali ċentru-lemin u ċentru xellug waqt li l-populisti komplew jissaħħu madwar l-Ewropa.
‘Il-futur tal-Ewropa, Il-futur ta’ Malta’ – li qed tkun organizzata mill-Uffiċċju tal-MEP Alfred Sant bl-kollaborazzjoni tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D) – se ssir nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Marzu fil-Qawra Palace Hotel fis-6.30pm.
Il-moderatur tal-Konferenza se jkun il-ġurnalist Emanuel Cuschieri. Il-pubbliku mistieden jipparteċipa fil-Konferenza. M’hemmx għalfejn wieħed jibbukkja minn qabel. Dħul b’xejn. Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jikkuntattjaw l-Uffiċċju ta’ Alfred Sant fuq info@alfredsant.eu jew iċemplu 21490705.
Ikun hemm riċeviment wara l-Konferenza.