Alfred Sant ħeġġeġ bdiewa Maltin u Għawdxin japplikaw għal fondi Ewropej mis-sena 2021 li jistgħu jiffaċilitaw il-bejgħ tal-prodotti agrikoli tagħhom fis-suq lokali meta żar il-Pitkalija f’Ta’ Qali. Dr Sant wiegħed lill-bdiewa li se jkun qed jgħinhom biex japplikaw għal fondi tal-UE marbuta mal-Industriji żgħar u medji (SMEs) biex ikunu kompetittivi fis-suq lokali li huwa mifqugħ bil-ħaxix u frott importat. Ħxejjex u frott tal-bdiewa f’Malta u f’Għawdex jinbigħu minn dan is-suq lil bejjiegħa liċenzjati.
Id-Diretturi tal-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa (F.C.C.S Ltd) laqgħu lil Alfred Sant u spjegawlu li 80% tal-ħaxix u frott mibjugħ lokalment illum huwa importat minn pajjiżi ġirien tal-UE. Il-bdiewa Maltin u Għawdxin jipprovdu 20% tas-suq lokali. Il-bdiewa qalu li mhumiex affettwati bl-importazzjoni ta’ frott bħal banana, għeneb, lanġas fix-xitwa, imma ilmentaw b’kompetizzjoni inġusta bl-importazzjoni ta’ pastard, qaragħbali, kaboċċi, ħass, brokkoli, tadam u frott, speċjalment frawli, fl-aqwa tal-istaġun. Qed ikun hemm drabi meta ħaxix u frott importat qed jinbigħ bħala prodott lokali, li hu abbuż kontra l-liġi. Il-bdiewa qalu li l-ħaxix u frott lokali għandu jkun immarkat ċar biex ikun evitat dan l-abbuż.
“L-importaturi barranin u Maltin tal-ħaxix u l-frott l-ewwel jaraw il-prezz tagħna imbagħad jagħżlu l-prezz tagħhom biex ibigħu l-prodotti importati mis-supermarkets. Dawn l-importaturi huma interessati biss fil-profitti u mhumiex parti mill-komunita` agrarja tagħna. Il-biedja f’Malta qed tmut mewta naturali. Uliedna ma jridux ikomplu jaħdmu l-għelieqi. Ma jaqbilx li tkun bidwi illum. Ir-regoli tal-UE kienu d-daqqa tal-mewt għall-agrikoltura f’Malta u f’Għawdex,” qal bidwi lil Alfred Sant.
“Biex tiġina agħar,” bdiewa qalu lil Alfred Sant, “il-grigalata ta’ tmiem il-ġimgħa ħalliet ħerba fl-għelieqi tagħna li swietna eluf kbar ta’ ewro.”
Id-Diretturi tal-Kooperattiva qalu lil Alfred Sant li minħabba r-regoli tal-Kompetizzjoni tal-UE ma jistgħux japplikaw għal fondi Ewropej bħala Kooperattiva. Alfred Sant tahom parir biex jimpjegaw Manager Professjonali bil-ħiliet meħtieġa biex japplikalhom għall-fondi Ewropej.
“Il-bdiewa għandhom jikkonċentraw fuq il-produzzjoni agrarja fl-għelieqi tagħhom waqt li proposti ta’ investiment lill-UE u mkejjen oħra ikunu f’idejn professjonisti idealment bi sfond agrarju. Se noffri l-għajnuna kollha tiegħi biex minn Brussell ngħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin jegħlbu kull xkiel burokratiku marbut ma’ dawn l-applikazzjonijiet.” qal Alfred Sant.
Il-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa, li tirrapreżenta aktar minn 1000 bidwi f’Malta u f’Għawdex, hija waħda mill-eqdem kooperattivi f’Malta. Is-Sur John Gauci, President, is-Sur Vincent Camileri, Viċi President, Ms Frances Busuttil, Segretarja tal-Kumpanija u s-Sur Joseph Cassar, Manager dawru lil Dr Sant ma’ diversi postijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli.