Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant għażel li ma jivvotax dwar riżoluzzjoni li tesprimi tħassib dwar ir-riformi ġudizjarji u l-korruzzjoni fir-Rumanija. Dr Sant qal li ma kienx qed jipparteċipa fuq dan il-vot għax il-proċeduri li jadotta l-Parlament Ewropew biex jiġġudika deċiżjonijiet tal-Gvernijiet fl-Istati Membri ma humiex oġġettivi, trasparenti u ġusti.
Dr Sant qal li mistoqsijiet relatati dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri jikkostitwixxu kwistjoni kruċjali li trid tiġi ttrattata b’mod trasparenti u kompletament kliniku – b’mod oġġettiv.“Qed ngħid dan mill-għarfien personali tiegħi kif dawn il-proċeduri qed jiġu applikati fil-każ ta’ pajjiżi, Malta, fejn il-metodi addottati mill-Membri ta’ dan il-Parlament biex jeżaminaw kwistjonijiet governattivi, huma ippreġudikati għall-aħħar. Dan qed iseħħ tant li dawk li jissejħu NGOs u li huma kkonsultati fuq is-sitwazzjoni f’pajjiżi, ntgħażlu b’mod partiġġjan u minn kamp wieħed. Jekk dawn il-metodi huma addottati fir-rigward ta’ pajjiż wieħed, ma jistax ikun eskluż li l-istess metodi qed ikunu addottati f’sitwazzjonijiet oħra. Il-mod politiċizzat ta’ kif dan il-Parlament jinvestiga l-kwistjonijiet ta’ governanza ixejjen il-kredibilita` u l-leġittimita` ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Ma rridx li l-vot tiegħi jagħti l-impressjoni li dan in-nuqqas fundamentali ma hux problematiku.” qal Alfred Sant.
Ir-riżoluzzjoni ġiet addottata b’473 favur, 151 kontra u 40 astensjoni.