L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li minkejja l-iskuntentizza dejjem tinfirex fl-Ewropa, it-ton prevalenti fl-Unjoni Ewropea huwa kif l-Unjoni tiġi integrata aktar biex jiġi evitat it-tieni Brexit minħabba li dan huwa perikoluż ħafna.
“Dawk li qed jitkellmu favur Ewropa Federali għandhom jikkonsolidaw dak li nkiseb sa issa,” wissa l-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant waqt Konferenza dwar il-Brexit, lejlet il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea.
Sant kompla jgħid dwar kif l-ħatra ta’ Trump bħala President Amerikan turi li l-globalizzazzjoni ħalliet ħafna nies emarġinati u żgur se jkollha impatt fuq in-negozjati tal-Brexit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Hu tenna li l-fenomenu ta’ Trump qed jinfirex u li ċ-ċittadini l-minsija issa qed jirċievu l-informazzjoni bit-teknoloġija tal-kommunikazzjoni diġitali b’detriment għall-gruppi politiċi tradizzjonali. L-Ewroparlamentari qal li l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni jridu jiġu indirizzati malajr u dan se jkun l-isfond għan-negozjati ta’ Brexit.
“In-negozjati ta’ Brexit se jkunu kumplessi. L-istati membri tal-UE huma konxji li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jsaħħu l-partiti estremisti tal-lemin f’pajjiżhom. Is-Soċjalisti Franċiżi konxji li n-negozjati tal-BREXIT jistgħu jsaħħu l-Front Nazzjonali f’pajjiżhom. Il-Ġermanja taf li l-UE issa se titlef it-tieni l-akbar kontributur bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni waqt li Merkel taf li AFD, il-partit tal-lemin estrem fil-Ġermanja, se jaħtaf kull opportunita` jekk il-Ġermanja iċċedi għat-talbiet tar-Renju Unit,” qal Dr Sant.