Fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant ivvota kontra riżoluzzjoni li tintroduċi taxxa diġitali armonizzata fl-Ewropa ‘bħala fatt li mhux negozjabbli’. It-tassazzjoni għandha tibqa’ parti mis-sovranita` ta’ kull pajjiż Ewropew, qal l-MEP Malti waqt li spjega għala ivvota kontra r-riżoluzzjoni dwar it-taxxa diġitali u l-ħtieġa li r-regoli f’dan il-qasam jittieħdu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.
Alfred Sant qal li huwa ġust li l-industrija diġitali, speċjalment dik li ssir mill-GAFA – isem li jirreferi għal kumpaniji Google, Apple, Facebook u Amazon – ikunu intaxxati l-istess bħal industriji oħra ta’ setturi differenti u fil-post fejn issir l-attivita` ekonomika tagħhom.
Fil-qasam diġitali mhux dejjem huwa ċar fejn il-valur jiġi miżjud, fejn qed jinġarru l-ispejjeż u fejn qed isiru l-profitti. Dan jagħmilha possibbli għal GAFA u għal oħrajn biex iċajpru d-dikjarazzjonijiet tad-dħul tagħhom u jevitaw li jħallsu t-taxxa fuq il-profitti. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa leġittimu li tkun introdotta taxxa fuq il-bejgħ tagħhom, fil-post li fih ikun qed isir il-bejgħ, biex jitnaqqas u jiġi elminat l-evitar tat-taxxa għal 4 l-aktar kumpaniji diġitali b’saħħithom Amerikani.
“Filwaqt li dan ir-rapport jappoġġja l-introduzzjoni ta’ taxxa bħal din, jagħmel dan bħala parti minn strateġija fuq skala Ewropea, li biha nersqu lejn l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni, billi tagħti l-għodda biex din l-armonizzazzjoni ssir aktar faċli u possibbli. Kif ukoll, niddubita kemm il-bejgħ tat-tassazzjoni tal-industrija diġitali jeħtieġ li jiġi ikkontemplat fuq skala Ewropea, u mhux fuq skala nazzjonali.” irrimarka Alfred Sant.
Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’451 voti favur, 69 voti kontra u 64 astenzjoni.