Alfred Sant ivvota kontra r-rapport li jipproponi sistema ta’ Taxxa Korporattiva Komuni, u Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, fost proposti ġodda oħra. Ir-riżoluzzjoni ‘Riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea’ tiċċara l-pożizzjoni dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm Dr Sant mhux kontra l-kunċett li l-Unjoni Ewropea jkollha r-riżorsi baġitarji tagħha stess, hu kontra riżorsi proprji li jiġu fil-forma ta’ Taxxa Korporattiva Komuni jew Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji.
“Kif dejjem sħaqt f’din il-leġiżlatura, l-armonizzazzjoni fit-taxxa ma tistax tkun is-soluzzjoni għad-dgħufijiet tal-Unjoni Ewropea.” irrimarka Alfred Sant.
Dr Sant qal li quddiem ir-realta` ta’ diskrepanzi soċjo-ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni, sistema ta’ taxxa waħda twassal biex l-affarijiet imorru għall-agħar. Fil-fatt, dawk l-istati fil-periferija li jiddependu fuq id-dħul mis-servizzi finanzjarji jistgħu jispiċċaw dejjem aktar jiddependu fuq il-baġit tal-UE, minflok fuq il-mobilizzazzjoni ekonomika tagħhom stess.
“Filwaqt li nilqa’ l-idea ta’ investigazzjoni għal sistema li biha parzjalment, l-UE tista’ tkun iffinanzjata fuq il-bażi tar-riżorsi proprji, jiena kontra li dawn jieħdu l-forma ta’ Taxxa Korporattiva Komuni, jew Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji.”
Ir-rapport qiegħed f’kuntest fejn il-baġit Ewropew irid jimla l-ħofra li se tħalli l-Brexit. Fit-tfittxija tagħha għar-riżorsi proprji ġodda tagħha, ir-rapport emfasizza wkoll fatturi importanti bħat-tassazzjoni ‘ħadra’, u l-ħtieġa li jintemmu r-rebates, li Dr Sant jaqbel magħhom.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’442 vot favur, 166 kontra, u 88 astensjonijiet.