Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant ma vvotax mal-linja li ħa l-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) u vvota kontra proposta li tistabbilixxi qafas li jiskrutinja investimenti esterni diretti fl-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON).
L-abbozz ta’ regolamentazzjoni jintroduċi għodda li permezz tagħhom l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni biex jiskrutinaw l-investimenti diretti esterni li jqajmu tħassib għas-sigurta` jew l-ordni pubblika. Ir-regolament ikopri sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni applikata għall-investimenti strateġiċi. Jekk titwessa’ aktar tkun tista’ tagħti lill-Kummissjoni Ewropea l-possibilita` li tiskrutinja l-investimenti diretti esterni qabel l-istati membri tal-UE biex tiżgura hux se jkollhom impatt fuq il-programmi tal-UE.
Il-parti l-kbira tal-Ewroparlamentari fl-ECON qablu mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskrutinju tal-investiment barrani dirett u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istati membri. Iżda, kien hemm ukoll xi riżervi relatati mal-indħil tal-Kummissjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-istati membri, kif ukoll mas-salvagwardji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Dr Sant huwa l-uniku Ewroparlamentari Malti li għandu siġġu fl-ECON.
“Aħjar mill-implimentazzjoni ta’ proposti bħal dawn ikun it-twaqqif mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-movimenti tal-kapital,” saħaq l-MEP Sant waqt sessjoni ta’ ħidma fuq il-proposta. “Din il-proposta se toħloq ostakli politiċi u burokratiċi ġodda għall-investiment u minħabba li hi one-size-fits-all – tlibbes żarbun l-istess lil kulħadd – l-istati membri ż-żgħar biha se jitpoġġew fi żvantaġġ,” qal Dr Sant.
Dr Sant saħaq li l-mekkaniżmu ta’ skrutinju li qed jiġi previst ikun velenu għall-istati membri ż-żgħar tal-UE bħal Malta li jipprovaw jattiraw investiment barrani dirett fit-territorji tagħhom. L-ekonomiji l-kbar ikunu kapaċi jlaħħqu aħjar mal-iskrutinju u saħansitra jistgħu jibbenefikaw kompetittivament minnu. L-iskrutinju jkollu impatt negattiv milli jħajjar ditti barranin biex jimplimentaw investiment dirett f’postijiet bħal Malta. Aktar minn hekk, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkollu informazzjoni sensittiva dwar oqsma ta’ investimenti li l-istati membri jkunu qed jikkompetu kontra xulxin dwarha.
Il-proposta mistennija tiġi diskussa u vvotata bħala riżoluzzjoni fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew f’Ġunju.