L-eks Prim Ministru Dr Alfred Sant talab spjegazzjoni mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta mill-Facebook biex tniedi munita virtwali.
Meta tkellem waqt skambju ta’ fehmiet bejn il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u Mika Lintilä, Ministru tal-Finanzi tal-Finlandja, il-Presidenza attwali tal-Unjoni Ewropea, li-Membru tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li peress li l-Facebook hi intrapriża globali u għandha biljuni ta’ kuntatti u klijenti, il-proposta tagħha biex tniedi munita virtwali hi maqtugħa mill-prattika dwar il-ħolqien ta’ muniti bħala arranġament li normalment tkun responsabbiltà tal-istat.
Dr Alfred Sant innota li l-kunflitti ta’ interess reali u potenzjali f’din il-proposta huma ċari u żied li l-immaniġġjar fil-qasam monetarji kien ikkunsidrat bħala funzjoni pubblika sovrana.
“Għal arranġamenti settorjali, f’emerġenzi jew għal kummerċ relattivament limitat, l-arranġamenti bbażati fuq sistemi ta’ ħlas privati ġew aċċettati. Iżda mingħajr it-timbru sovran, il-ħolqien ta’ flus normalment ma jkunx ittollerat mill-awtoritajiet pubbliċi “, qal Dr Sant.
Dr Alfred Sant iddikjara li l-operat tas-sistema proposta li taffettwa l-integrità tal-arranġamenti tal-banek ċentrali għadha mhix magħrufa u l-Unjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni.
Waqt l-intervent tiegħu fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew, Dr Alfred Sant tkellem ukoll dwar ix-xenarju tal-ekonomija Ewropea fejn qal li għalkemm din baqgħet immarkata minn livelli baxxi ta’ inflazzjoni u tkabbir ekonomiku, il-politika monetarja ġiet applikata għal miri differenti.