Alfred Sant u tliet MEPs mill-Ġermanja, Franza u l-Finlandja talbu lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-pożizzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Diġitali Ewropea u talbu aktar trasparenza fuq il-ħidma tal-‘EU Observatory’. Flimkien ma’ Jakob von Weizsäcker, MEP Ġermaniż (S&D), Pervenche Berès, MEP Franċiża (S&D) u Sirpa Pietikäinen, MEP Finlandiża (EPP) bagħat ittra konġunta lill-Kummissarju inkarigata mill-Ekonomija Diġitali u s-Soċjetà Mariya Gabriel u lill-Kummissarju għas-Suq Wieħed Diġitali u Viċi-President tal-KE Andrus Ansip.
L-inizjattiva ta’ Afred Sant qed issir b’appoġġ għall-politika tal-Gvern Malti biex jimplimenta qafas dwar ‘crypto currencies’, ‘blockchain’ u ‘Distributed ledger technology (DLT)’ biex Malta tkun waħda mill-ewwel ġurisdizzjonijiet fid-dinja biex tilleġisla f’dan il-qasam.
L-erba’ MEPs talbu lill-KE tinformahom xinhuma l-prijoritajiet regolatorji u talbu wkoll informazzjoni kif il-Kummissjoni se taġġorna l-istrateġija dwar l-iżviluppi diġitali u teknologiċi. L-MEPs jixtiequ l-Kummissjoni tiżgura li l-kompetenzi diġitali tagħha huma kompatibbli mal-iżviluppi fis-settur teknoloġiku. Talbu lill-KE tagħrif dwar ir-risorsi finanzjarji allokati għas-soċjeta` diġitali. Talbu aktar trasparenza tal-ħidma tal-‘EU Observatory’ u innotaw li l-Parlament Ewropew għandu jkun aġġornat fuq il-ħidma tal-osservatur tal-UE dwar il-‘Blockchain’.
L-‘EU Blockchain Observatory and Forum’ mistenni jkollu rwol attiv biex jgħin l-Ewropa taħtaf opportunitajiet ġodda mill-‘blockchain’ u juri tmexxija f’dan il-qasam. Tiġbor tagħrif, monitoraġġ u analiżi, tindirizza l-isfidi u tesplora l-potenzjal soċjo-ekonomiku tal-‘blockchains’. Tippermetti koperazzjoni mal-istati tal-UE u tlaqqa’ l-aqwa esperti u tħajjar teknoloġisti, innovaturi, ċittadini, stakeholders fl-industrija, awtoritajiet pubbliċi, regolaturi biex jiżviluppaw ideat ġodda.