Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara t-tul ta’ żmien minimu ta’ ittardjar ta’ titjiriet bl-ajruplan li jintitola lill-passiġġieri għal kumpens taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li hemm diskrepanza ċara bejn ‘tliet sigħat ta’ ittardjar’ skont il-web portal uffiċċjali tal-KE u ‘sagħtejn ta’ ittardjar’ skont ir-Regoli tad-drittijiet ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru fl-UE.Dr Sant qal li l-web portal ‘Your Europe’ tal-Kummissjoni Ewropea, maħsub biex jagħti parir liċ-ċittadini tal-UE dwar ivvjaġġar bl-ajru, jgħid li jekk passiġġieri ma jaslux fid-destinazzjoni finali tagħhom b’ittardjar ta’ tliet sigħat jew aktar, huma intitolati għal kumpens jekk l-ittardjar ma jkunx ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji.
Dr Sant imbagħad innota li r-Regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru jgħidu li ‘f’każ li titjira tittardja b’sagħtejn jew aktar f’każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew anqas il-passiġġieri jieħdu kumpens ta’ €250.
Kien għal dir-raġuni li l-MEP Malti talab lill-Kummissjoni Ewropea tkun ċara dwar kemm sigħat ittardjar ta’ ivvjaġġar bl-ajru huma intitolati ċ-ċittadini li jużaw it-trasport bl-ajru fl-UE. Dr Sant talab lill-Kummissjoni biex tinkludi dawn il-kjarifiki fil-‘portals’ ta’ kommunikazzjoni dwar passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru fl-UE.