Esperti fil-qasam tal-uġigħ iltaqgħu f’Malta għas-Simposju 2017 dwar L-Impatt Soċjali tal-Uġigħ biex ikunu indirizzati kwistjonijiet urġenti u biex jinstabu soluzzjonijiet ġodda li jgħinu lill-Gvernijiet u l-Istituzzjonijiet Ewropej jaġixxu u jagħtu prijorita` lill-impatt tal-uġigħ fl-aġenda politika tagħhom.
L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant ħa l-inizjattiva biex jitlaqqa’ dan is-seminar biex tittieħed azzjoni dwar l-impatt soċjali tal-uġigħ u biex jinstabu metodi differenti li jtejbu l-politika tat-trattament fl-Ewropa.
Dr Sant qal lill-parteċipanti li madwar 100 miljun ċittadin Ewropew ibatu minn uġigħ fl-għadam jew fil-muskoli. Dan jikkawża madwar 50% tal-assentejiżmu fuq il-post tax-xogħol għal tlett ijiem jew aktar u jikkawża 60% tal-inkapaċita` permanenti fuq ix-xogħol. L-ispejjeż diretti u indiretti ta’ mard muskolari jew fl-għadam jammontaw għal madwar €240 biljun ewro fis-sena – 2% tal-PGD tul l-Unjoni Ewropea. F’Malta, wieħed minn kull ħamsa li wieġbu f’survey tal-Kummissjoni Ewropea qalu li ħassew uġigħ fil-ġimgħa ta’ qabel ipparteċipaw fis-survey. Dan juri li numru sostanzjali ta’ ċittadini Maltin u l-familji tagħhom huma affettwati mit-tbatija li jikkawża l-uġigħ.
“L-uġigħ jitfa’ piż tqil fuq il-ħajja privata tal-individwi u jwassal għal spejjeż kbar fil-qasam tas-saħħa kif ukoll fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Mill-aspett tal-pazjent, l-uġigħ mhux dejjem ikun sintomu temporanju ta’ marda. Filfatt jista’ jiġi kroniku u jkun jeħtieġ trattament speċifiku. Sfortunatament, ftit huma il-pazjenti b’uġigħ kroniku li jingħataw trattament li jtejbilhom il-kwalita` ta’ ħajja li jgħixu u fuq il-ħajja ta’ familthom. Il-figuri juru li f’Malta wieħed minn kull ħames persuni jħossu l-uġigħ,” qal Dr Sant waqt is-Simposju.
Is-Simposju ta’ din is-sena fassal id-diskussjonijiet madwar dawn l-oqsma: l-uġigħ bħala indikatur ta’ kwalita` fl-oqsma tas-saħħa; għaqdiet Ewropej u nazzjonali li jindirizzaw l-impatt soċjali tal-uġigħ; l-impatt tal-uġigħ fis-suq tax-xogħol u l-isfidi u l-aħjar metodi fir-rigward tal-politika tal-uġigħ. Dan iwassal għal politika konkreta u suġġerimenti li jkunu ratifikati fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.