Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant staqsa lil Kummissarju Vera Jourova biex speċifikament ssemmi x’azzjonijiet ħadet jew x’każijiet qed tipprepara biex tinvestiga l-Kummissjoni Ewropea dwar attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus fl-istati membri l-kbar bħall-Estonja, l-Olanda u l-Latvja fejn ġew svelati ħafna każijiet kbar ta’ attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus fuq livell nazzjonali. Dr Sant staqsa lil Kummissarju Jourova biex tispeċifika jekk awtoritajiet finanzjarji Estonjani, Olandiżi u Latvjani involuti f’attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus jippreżentawx nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fl-infurzar tar-regoli kontra l-ħasil ta’ flus.Danske Bank
Dr Sant qal lil Jourova li fl-Estonja nħaslu kważi €178 biljun f’attivitajiet tad-Danske Bank bejn l-2007 u l-2015. Ħafna minn dawn il-flejjes inħarġu l-aktar mir-Renju Unit, il-Virgin Islands u r-Russja. Investigazzjoni indipendenti sabet li aktar min-nofs il-15000 kont bankarju Estonjan fid-Danske Bank huma kkonsidrati suspettużi. Dawn il-kontijiet juru transazzjonijiet dubjużi min-individwi li mhux residenti u mhux ibbażati l-Estonja imma li jużaw il-faċilitajiet tal-bank fil-pajjiż.
Dutch ING
Dr Sant qal lill-Kummissarju Ewropea li t-Tlieta 4 ta’ Settembru, il-bank Olandiż Dutch Bank ING ammetta li l-kriminali użaw kontijiet tiegħu għal numru ta’ snin biex jaħslu l-flus. Il-bank qabel li jħallas €775 miljun f’likwidazzjoni, inkluż €657 miljun multa u €100 miljun għal qligħ illeċitu. Il-prosekuturi finanzjarji sabu li ING, għal bosta snin, kiser ir-regoli u l-liġijiet li jipprevenu l-ħasil tal-flus. Dan seta’ jagħmlu għax naqas milli jiskrutinja s-sidien tal-kontijiet bankarji u t-transazzjonijiet li mhumiex tas-soltu.
Latvian ABLV
Dr Sant qal lil Jourova li l-bank tal-Latvja ABLV ġie implikat f’ħasil ta’ flus, b’tixħim ta’ uffiċċjali u l-iffiċilitar tal-vjolazzjoni tas-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq. Il-Unit ta’ kontra l-Kriminalita` Finanzjarja tat-Teżor tal-Istati Uniti akkuża l-ABLV li l-ħasil ta’ flus ilu għal numru ta’ snin pilastru li fuqu jsir in-negozju f’dan il-bank. L-ABLV huwa t-tielet l-akbar bank fil-Latvja, dan l-aħħar ġie likwidat wara stqarrijiet ta’ ħasil ta’ flus istituzzjonalizzati.
Alfred Sant ippreżenta dawn il-fatti u il-mistoqsijiet lil Kummissarju Jourova wara li ġie żvelat li Malta hija l-uniku pajjiż li l-Kummissjoni Ewropea ordnat biex issaħħaħ ir-regoli ta’ kontra l-ħasil ta’ flus u biex ittejjeb il-funzjonijiet tal-ispjunaġġ finanzjarju.
Sant qal li dan huwa każ ċar fejn il-Kummissarja Joulova qed taqbad mal-Istati Membri ż-żgħar fuq każijiet relattivament inqas importanti biex turi li b’xi mod qed tieħu xi tip ta’ azzjoni kontra l-ħasil ta’ flus. “Il-Kummissarju Jourova ħasset li kellha tieħu azzjoni kontra Malta waqt li injorat ħafna allegazzjonijiet iktar serji ta’ ħasil ta’ flus fi stati membri kbar li seħħew eżatt taħt imneħirha,” irrimarka Dr Sant.