Alfred Sant faħħar lil Kaċċaturi San Ubertu għall-inizjattiva tagħhom li joħolqu bejtiet artifiċjali biex jiżdiedu l-ispeċi ta’ għasafar li jkollhom il-friegħ f’Malta meta żar ‘Project Bejta’ f’Ta’ Qali. Dal-proġett tal-kaċċaturi huwa maħsub li aktar għasafar ikollhom il-friegħ f’Malta inkluż Rundun, Għammiel tal-Bejt, Ġaħġaħ, Ħuttafa, Ħawwiefa, Zakak tad-Dell, Żanżarell tat-Tikek, Sturnell, Spanjulett u l-Bies.
“Inizjattivi bħal dawn jagħtu dehra pożittiva lil kaċċaturi lokali li tegħleb il-konnotazzjonijiet negattivi relatati mal-kaċċaturi f’Malta u fl-Ewropa. Qal li jifhem mija fil-mija l-frustrazzjoni tal-kaċċaturi Maltin li jħossuhom diskriminati meta mqabbla ma’ kaċċaturi fl-Ewropa. Iżda l-Gvern Malti fl-2004 kien iffirma kuntratt bil-kundizzjonijiet preżenti tal-kaċċa meta Malta daħlet fl-UE. Dawn ir-regoli ma jistgħux jitreġġgħu lura u mhux ġust li tinħoloq tama falza.
“Jien qatt mhu se nagħti tama falza lill-kaċċaturi,” qal Alfred Sant.
400 bejta artifiċjali ġew installati f’postijiet differenti fil-gżejjer Maltin.
Uffiċċjali ta’ San Ubertu spjegaw lil Alfred Sant MEP li għall-ewwel darba żanżarell bit-tikek kellu erbat ifriegħ f’bejta artifiċjali.
Uffiċċjali tal-KSU u l-membri tagħha jikkontribwixxu f’xogħol volontarju li jinvolvi lekċers edukattivi relatati mal-ornitoloġija, liġijiet tal-kaċċa, Natura 2000, l-użu bla periklu tas-senter, turiżmu agrarju u oqsma oħra relatati mal-entita’ uffiċċjali tal-kaċċa il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU). Huma qed iwettqu wkoll skema pilota ta’ tiżrigħ tas-siġar bħala parti minn inizjattiva ta’ afforestazzjoni nazzjonali. Il-membri tal-KSU f’din l-aħħar sena żergħu mal-450 siġra indiġena, sponsorjata mill-gvern, fuq artijiet privati.
L-installazzjoni, il-manteniment u l-monitoraġġ ta’ dawn il-bejtiet artifiċjali qed issir mill-voluntiera tal-KSU.
Kienu preżenti Mark Mifsud Bonnici, President, Nyal Xuereb, Segretarju u Eman Portelli u Marcus Camilleri.