Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant iddiskuta l-effetti tal-Brexit fuq ir-Renju Unit u l-Ewropa waqt skambju ta’ informazzjoni fil-Parlament Ewropew ma’ grupp ta’ attivisti tal-Partit Laburista Ingliż.
It-tema magħżula tad-diskussjoni kienet – Ħin il-kriżi: In-negozjar tal-ħruġ tar-Renju Unit – Il-Perspettiva tal-Brexit lil hinn mill-fruntieri tagħna.
Alfred Sant ta rendikont tas-sitwazzjoni tal-Brexit mill-perspettiva tal-Parlament Ewropew u spjega kif in-negozjati tal-Brexit żviluppaw fix-xhur ta’ qabel. Fost il-grupp ta’ Ingliżi deher ċar it-tħassib ta’ x’jista’ jiġri ġaladarba ma jintlaħaq ebda ftehim, bl-udjenza Ingliża turi interess fl-għażliet li jistgħu jinħolqu jekk isir referendum ieħor dwar il-Brexit fil-futur.
Fil-laqgħa saret sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba maċ-ċittadini Brittaniċi.
Il-laqgħa ġiet organizzata mill-Ewroparlamentari Laburista Ingliż Sion Simon.