Is-sovranità tal-istati membri fil-ġbir tat-taxxi f’pajjiżhom għandha tkun imħarsa, speċjalment għall-ekonomiji ż-żgħar u ż-żoni li qegħdin fil-periferija tal-Ewropa.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant fi Strasburgu meta għamel spjega tal-vot tiegħu dwar riżoluzzjoni dwar kontrolli ġodda fuq l-evażjoni tat-taxxa. Dr. Sant qal li wara l-iskandli tal-‘Luxleaks’ u tal-karti tal-Panama, għandhom jittieħdu miżuri dejjem aktar qawwija li jiżguraw trasparenza kif jiġu trasferiti l-fondi u kif jitħallsu t-taxxi.
Dr. Sant qal li l-miżuri tal-Kummissjoni Ewropea għal aktar trasparenza ma għandhomx iservu ta’ skuża biex jiġu stradikati s-servizzi finanzjarji jew biex il-pajjiżi tal-UE jkollhom idaħħlu l-istess strutturi ta’ taxxi. “Dawn il-miżuri m’għandhomx iwasslu għall-armonizzazzjoni tat-taxxi jew biex titnaqqas is-sovranita` tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-mod kif jorganizzaw is-sistemi tat-tassazzjoni skont il-bżonnijiet tagħhom. Dawn l-inħawi diġa` raw il-flessibilita` tagħhom titnaqqar tul iż-żmien minħabba regoli ta’ one-size-fits-all maħduma fuq bażi kontinentali”. Dr. Sant qal li l-flessibilità fl-organizzazzjoni tat-tassazzjoni hija kruċjali għall-ekonomiji ż-żgħar u ż-żoni li qegħdin fil-periferija tal-Ewropa.