Alfred Sant se jkun qed jiffirma Western fil-Festival tal-Ktieb nhar il-Ħadd 13 ta’ Novembru bejn 11am u nofsinhar.
Il-ktieb fih għaxar rakkonti ġodda u ġie mniedi l-Belt, fejn qarrejja tal-letteratura Maltija imlew is-sala ewlenija. Sean Buhagiar u Marilu Vella taw interpretazzjoni eċċezzjonali ta’ siltiet minn uħud mir-rakkonti b’introduzzjoni letterarja ta’ Albert Marshall qabel kull silta. Fi tmiem is-serata Alfred Sant iffirma kopji tal-antoloġija.
L-atturi qraw siltiet mir-rakkont WESTERN, li minnha ħa l-isem dal-ktieb. Malti minn Ħal Qormi jispiċċa fil-Wild West Amerikan fl-1860.
Iddramatizzaw siltiet minn rakkonti oħra li jistgħu jinqraw bħala narrattiva sempliċi. Fuq livell ieħor ir-rakkonti bħala riflessjonijiet fuq il-Maltin, illum u fil-passat. Huwa f’das-sens li l-‘cowboy’ Malti isir simbolu tal-karattru Malti tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-futur.
Western huwa ktieb ieħor ta’ Alfred Sant, wara s-suċċessi kbar b’Pupu fil-Baħar u Ċpar.