L-MEP Malti Alfred Sant astjena fuq il-vot finali ta’ rapport dwar il-mobbilta` militari tal-UE għaliex qal li dan il-pjan ta’ azzjoni propost mill-UE ma jqisx il-pożizzjoni tal-istati membri ‘newtrali’ tal-Unjoni Ewropea. Dr Sant qal li dan iqis bħala fatt maqbul l-appoġġ u l-assoċċjazzjoni tal-UE fi programmi ta’ alleanza militari, anke jekk dan jista’ jkun ta’ xkiel u mhux fl-interess tal-istati membri newtrali tal-UE.
“Dir-Riżoluzzjoni hija parti minn xenarju ta’ movimenti f’politika ta’ difiża Ewropea li għadha nieqsa minn ‘duttrina’ intelliġibbli, speċjalment issa li r-Renju Unit mhux se jkun involut fiha. L-istess Riżoluzzjoni qed tassumi qbil dwar il-proposti għal politika ta’ sigurta` u difiża, meta fil-fatt hija mibnija fuq it-tħassib ta’ kontinġenzi militari u strateġiji ta stati membri differenti.”
L-MEP Malti qal li dan jista’ jagħti l-impressjoni dwar ftehim dwar politika militari żviluppata, meta jeżistu riskji li ma jintlaħaqx qbil dwarha, bħalma diġa` kellna fl-aħħar snin waqt il-formulazzjoni tal-politika dwar iż-żona ewro.
“L-istaġnar u sitwazzjonijiet fejn ikun impossibbli li stati membri jilħqu qbil fil-qasam tad-difiża jistgħu jkunu aktar perikolużi minn nuqqas ta’ qbil fil-politika monetarja.” wissa l-ex Prim Ministru Malti.
Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbilta` militari tal-UE ġie ippreżentat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker u mir-Rappreżentanta Għolja Mogherini fit-28 ta’ Marzu 2018 biex tissaħħaħ is-sigurta` u d-difiża tal-UE. L-għan kien ħidma fuq livell Ewropew biex ikun żgurat li n-‘networks’ tat-toroq u tal-ferroviji jkunu addattati għat-trasport militari, biex liġijiet nazzjonali ikunu simplifikati għall-movimenti ta’ truppi u vetturi militari fil-kontinent Ewropew f’każ ta’ kriżi.
Ir-rapport ġie approvat b’437 vot favur, 155 kontra and 63 astensjonjiet.