Il-kandidati tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew kollha għandhom ħila u ħerqa biex matul il-mandat li jmiss tal-Parlament Ewropew u tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn jagħtu kontribut siewi f’isem pajjiżna.
Qal dan, f’kitba fuq il-midja soċjali, l-eks Prim Ministru u l-eks Mexxej tal-Partit Laburista, Alfred Sant, li bħalissa hu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.
Dr Sant qal li l-Partit Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, qed ilaqqa’ lista sabiħa ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir is-Sibt 8 ta’ Ġunju li ġej.
L-eks Mexxej Laburista sostna li hi sfida kbira kemm dawn se jirnexxielhom iwasslu tajjeb dan il-messaġġ ma’ kostitwenza li hi nazzjonali u mhux ta’ distrett wieħed. Sostna li dan jeħtieġ nifs, organizzazzjoni u sens ta’ kif jikkomunikaw dwar materji mhux dejjem faċli li jinftiehmu b’mod li jwassal messaġġ ċar.
Alfred Sant tenna li l-kandidati Laburisti jistħoqqilhom simpatija u kull appoġġ. Hu temm jawgura lill-kandidati kollha f’isem il-Partit Laburista.