Alfred Sant qal li l-banek żgħar u medji li joperaw fis-sud tal-Ewropa jistgħu jitilfu l-flessibilita` finanzjarja u ma jibqgħux kompetittivi ħdejn il-banek il-kbar tan-nord tal-Ewropa jekk tkun addottata l-politika ta’ one-size-fits-all fil-politika bankarja fiż-żona ewro. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew kien qed jikkummenta wara li vvota favur ir-riżoluzzjoni tal-ħatra ta’ Andrea Enria bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-Bord ta’ Superviżjoni fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew.Dr Sant qal li l-banek kollha għandhom ikunu trattati b’mod ugwali u bl-għan aħħari li titjieb l-integrazzjoni finanzjarja taż-żona ewro u jittieħdu inqas riskji eċċessivi fil-futur.
L-MEP Malti qal li l-esperjenza kbira ta’ Andrea Enria fil-qasam bankarju, finanzjarju u regolatorju, kif ukoll l-indipendenza tiegħu se jikkontribwixxu għas-suċċess fil-kontinwita` tas-Single Supervisory Mechanism.
“Iżda, Andrea Enria irid jaċċerta ruħu li r-regoli l-ġodda introdotti bl-Għaqda Bankarja jikkunsidraw it-tibdil tal-ispejjeż tal-operat tal-banek żgħar u medji, speċjalment fl-ekonomiji tas-Sud tal-Unjoni, filwaqt li titrażżan kull żieda sproporzjonata fl-ispejjeż għal konformita`. Regoli armonizzati huma qafas kruċjali tal-Għaqda Bankarja. Iżda dan ma jfissirx li metodu ta’ ‘one-size-fits all’ jekk jittieħed bl-għama se jagħmel sens. Jista’ jkun ta’ tfixkil għal banek ta’ daqs medju li jinsabu fl-ekonomiji tal-pajjiżi ż-żgħar billi jnaqqsilhom il-flessibilita` finanzjarja fi ħdan l-ambjent, relattivament żgħir tagħhom. B’hekk ma jibqgħux kompetittivi fil-pajjiżi li fihom joperaw fil-konfront ta’ banek ħafna akbar minnhom fil-pajjiżi nordiċi tal-Ewropa. Sfortunatament, diġa` tfaċċa aġir regolatorju u ta’ superviżjoni li sejjer f’din id-direzzjoni.”
Andrea Enria se jokkupa l-kariga għal perijodu ta’ ħames snin, li jibda fl-1 ta’ Jannar 2019. Bħala superviżur, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu l-awtorita` jwettaq spezzjonijiet biex jiċċekkja l-konformita` tal-banek mar-regoli tal-UE, u jordna lil banek biex iwarrbu aktar kapital biex jitnaqqsu r-riskji u jista’ wkoll jirtira l-liċenzji bankarji.