Liġi Ewropea proposta dwar it-trobbija tal-fniek tmur kontra l-interessi tal-operaturi tat-trobbija tal-fniek fl-istati membri żgħar tal-UE li diġa` għandhom kompetizzjoni inġusta minn operaturi fi stati membri kbar u anke minn operaturi fi stati mhux membri tal-UE.
Jekk dawk li jrabbu l-fniek fi stati żgħar jiġu mġiegħla josservaw regolamenti u kontrolli ġodda, il-kompetittivita` tagħhom se tkompli titnaqqsilhom.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant meta spjega r-riżervi tiegħu favur il-vot dwar il-mozzjoni ‘Standards minimi għall-protezzjoni tal-fniek fl-irziezet.’
“Ma naqbilx li tidħol liġi Ewropea li tirregola t-trobbija kummerċjali tal-fniek. Mhux aċċettabbli li dawn l-operaturi żgħar jiġu f’dis-sitwazzjoni. Dawk li jrabbu l-fniek fi stati Ewropej żgħar diġa` qed iġarrbu x-xokkijiet ta’ suq dejjem jiċkien kif ukoll kompetizzjoni inġusta, inkluż minn operaturi tal-fniek mhux fl-Unjoni Ewropea. Il-konsum tal-laħam tal-fenek huwa tajjeb għas-saħħa. Allura minflok nikkunsidraw aktar regolamenti fuq setturi ta’ skala żgħira, jkun aħjar li noħolqu miżuri ġodda, nazzjonali u Ewropej, li jippromwovu din l-attivita`,” irrimarka Sant.
Il-mozzjoni, li dwarha kien hemm vot fil-Parlament Ewropew matul din il-ġimgħa, tawtorizza lill- Kummissjoni Ewropea tfassal l-abboz ta’ liġi li tistipula l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tal-irziezet. Dan jista’ jkun l-ewwel pass lejn il-projbizzjoni tat-trobbija tal-fniek fil-gaġeġ bħalma sar dwar il-produzzjoni tat-tiġieġ.
“Il-vot tiegħi għal din ir-riżoluzzjoni huwa favur dawk il-miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-fniek mrobbija għall-kummerċ tal-laħam tagħhom. Iżda għandi r-riżervi tiegħi għaliex kompletament ma naqbilx li tidħol liġi Ewropea komuni li tirregola t-trobbija kummerċjali tal-fniek.” – Alfred Sant
“L-esperjenza f’setturi oħra uriet li regoli bħal dawn jispiċċaw biex jagħtu vantaġġ kummerċjali lill-intrapriżi l-kbar għad-dannu tan-negozjant iż-żgħir. Dan huwa minnu speċjalment fi stati membri żgħar fejn dan il-kummerċ isir fuq skala ta’ familja. Ix-xogħol tagħhom wirtuh mill-familjari ta’ qabilhom. Is-suq li fih ibiegħu huwa bażikament magħmul mill-familji ġirien tar-razzett tagħhom,” spjega l-MPE Sant.
Il-fniek filfatt huma r-raba’ l-aktar annimal imrobbi fid-dinja, b’madwar 340 miljun fenek jinqatlu fis-sena fl-Unjoni Ewropea.