Il-bdiewa Għawdxin jeħtieġu protezzjoni minn kompetizzjoni inġusta biex ikun żgurat li jkomplu jkabbru prodotti tar-raba’ meħtieġa mill-industrija tat-turiżmu u mill-ekonomija f’Għawdex.
Dan qalu Alfred Sant fi żjara li għamel fil-Kooperattiva tal-Bdiewa fix-Xewkija. Sant qal li biex il-biedja Għawdxija tibqa’ b’saħħitha u trendi l-profitti, jeħtieġ li ssir azzjoni kreattiva biex fi ħdan ir-rispett tar-regoli tal-UE, il-produzzjoni agrikola tkun flessibbli u fl-istess ħin protetta minn kompetizzjoni inġusta.
Il-promozzjoni ta’ prodotti awtentiċi Għawdxin tista’ tkun waħda mill-modi kif il-biedja Għawdxija ssir kompetittiva. Il-ħtieġa hi li jkun hemm lista konkreta ta’ prodotti li fuqhom tintuża din l-istrateġija, filwaqt li jkunu evitati l-iżbalji li saru f’setturi kruċjali bħal dak tal-produzzjoni tat-tadam.
“Irridu niżguraw li l-għajnuniet tal-Unjoni Ewropea jew is-sistema tas-sussidji lill-biedja jibbenefika minnhom direttament il-bidwi Għawdxi.” sostna Dr. Sant.