Alfred Sant wiegħed li se jibqa’ impenjat fil-ħarsien tal-interess tal-Maltin u l-Għawdxin fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-Ewropa sal-aħħar tal-mandat parlamentari preżenti u wara, skont xi jkunu ċ-ċirkostanzi personali tiegħu, b’ottimiżmu u diliġenza. Dr Sant qal li se jibqa’ jagħti attenzjoni bla waqfien biex nagħrfu minn qabel, u biex nifhmu, kif il-bidliet u l-iżviluppi fl-Ewropa jistgħu jaffettwaw lil Maltin u l-Għawdxin, għat-tajjeb jew għall-ħażin.
Alfred Sant qal dan f’messaġġ tal-aħħar Milied u l-Ewwel tas-Sena fil-mandat tal-Parlament Ewropew li beda f’nofs is-sena 2014.
“L-importanti hu li pajjiżna u s-soċjetà tagħna jibqgħu jieħdu vantaġġ xieraq minn kull opportunità xierqa li tinfetaħ quddiemna fl-Ewropa u lil hinn minnha. J’alla nibqgħu ngħixu bħala soċjetà fi progress ekonomiku u soċjali li jissarraf f’solidarjetà, ġustizzja soċjali u ħajja hienja.”
Dr Sant qal li matul l-aħħar sena, f’pajjiżna rajna jseħħ titjib ekonomiku qawwi. B’dan għandna nkunu sodisfatti u nkomplu nistinkaw biex it-titjib insostnuh.
“Veru li miegħu ġab problemi soċjali u oħrajn – uħud minnhom ġodda għal pajjiżna… fosthom dawk ta’ kif se naffaċċjaw u naddattaw għaċ-ċirkostanzi ġodda li joħloq l-istess progress. Irridu nagħmlu dan b’effiċjenza, b’qies u fuq kollox b’ġustizzja soċjali.”
Dr Sant qal li mqabbla maċ-ċirkostanzi ta’ ħafna pajjiżi fl-Ewropa, tagħna jirriflettu tajjeb fuq il-ħidma tan-nazzjon Malti.
“Għax l-aħħar sena kienet waħda li kkonfermat fl-Ewropa ċertu sens ta’ inċertezza, u dan minkejja li fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-ewro t-tkabbir ekonomiku baqa’ sostnut. Imma kellna l-kwistjoni tal-Brexit – li għadha mhux riżolta. L-istess jista’ jingħad għall-krizi tal-immigrazzjoni. Sadattant, l-estremiżmi politiċi mil-lemin u x-xellug baqgħu qawwija, biex ma ngħidx issaħħu.”
Alfred Sant bagħat l-isbaħ xewqat għall-Festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, kif ukoll ta’ riżq u hena għas-Sena l-Ġdida lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, u lill-familji tagħhom, lill-barranin li jgħixu u jaħdmu fostna u lill-familji tagħhom biex is-sena 2019 tkun waħda ta’ riżq għal kulħadd.