Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li ż-żona ewro għandha tintroduċi miżuri soċjal li jkunu jinkludu fost oħrajn żieda ġenerali ta’ 5% fil-paga minima fl-Ewropa kollha.
L-MEP għamel din il-proposta waqt skambju ta’ ideat ma’ Nadia Calviño, Ministru tal-Ekonomija u l-Intrapriżi ta’ Spanja fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju (ECON) fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Alfred Sant qal li l-prospetti ta’ tkabbir fiż-żona ewro qed jitilfu mis-saħħa tagħhom. Aktar minn hekk, qed jikber tħassib minħabba l-inċertezzi li qed joħloq il-Brexit. Fl-istess ħin il-livelli ta’ investiment għadhom lura, inkluż l-investiment pubbliku. Għalkemm inħolqu l-impjiegi, il-kondizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna nies mhumiex sodisfaċenti. Is-sentiment ġenerali huwa li l-livelli ta’ għixien ma sarux aħjar speċjalment għal dawk li jaqalgħu l-inqas.
“Ma taħsibx li wasal iż-żmien li naħsbu ’l barra mill-kaxxa meta naraw kif ir-regoli taż-żona ewro qed jinħassu? Għandna stabilita` ekonomika u finanzjarja forsi, imma din qed twassal għal instabilita` soċjali u forsi anki instabilita` politika?” staqsa Sant lil Calviño.
Alfred Sant qal li xi wħud jgħidu li l-ideali ta’ Ewropa soċjali intilfu fuq il-karta.
“Ir-regoli taż-żona ewro qed iservu ta’ brejkijiet għall-investiment pubbliku speċjalment meta l-gvernijiet ikollhom bżonn, kif għandhom bżonn issa, jirreaġixxu għall-aspettazzjonijiet tan-nies għal kundizzjonijiet soċjali aħjar. Minflok qed naraw lil gvernijiet jagħtu benefiċċji soċjali aħjar minħabba irvellijiet fit-toroq jew minħabba l-elezzjonijiet Ewropej imminenti, iż-żona ewro tista’ tikkoordina risposta soċjali, bħal dik li taqbel dwar żieda ġenerali ta’ 5% tal-paga minima fl-Ewropa kollha?” saħaq l-MEP.
Il-Ministru Spanjol, fit-tweġiba tagħha, qalet li għandu jkun hemm bilanċ bejn ir-responsabbilita` fiskali u l-benesseri soċjali ġenerali.
“Dan mhux proġett għal burokratiċi imma hu proġett għan-nies. Huwa importanti li mmexxu b’responsabilita` fiskali flimkien mal-benesseri ġenerali. Dak li jaffettwa pajjiż wieħed, jaffettwa wkoll lil Ewropa kollha, għalhekk irridu niżguraw li jkun hemm responsabilita` u fiduċja bejn l-istituzzjonijiet biex inkunu nistgħu nibnu Għaqda Ekonomika u Monatarja aktar fil-fond.”
Il-Ministru Calviño qalet li huwa importanti li l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jaħdmu għaċ-ċittadini u li ċ-ċittadini jkunu konxji ta’ dan.