Ġimagħtejn qabel l-elezzjoni tal-2017 l-ex Prim Ministru Alfred Sant kien irnexxielu jimblokka diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-gidba tal-Egrant fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ martu Michelle. L-eventwalita` ta’ diskussjoni dwar l-Egrant lejlet l-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu kienet tagħti qawwa kbira lil ċerti nies li kienu qed imexxu dik il-kampanja f’Malta.
Kien hemm sforzi kbar biex il-Plenarja tal-Parlament Ewropew tiddiskuti l-akkużi tal-Egrant , iżda Alfred Sant irnexxielu jipposponi din id-diskussjoni għal wara l-elezzjoni tal-2017 li eventwalment intrebħet mill-Partit Laburista.
Dan żvelah Alfred Sant fil-programm televiżiv XTRA meta l-ġurnalist Saviour Balzan staqsih x’kien l-aqwa kontribut tiegħu kemm ilu membru parlamentari Ewropew.
“Ħafna mix-xogħol tiegħi f’Malta u fil-Parlament Ewropew kien sotterranju – jigifieri minn taħt – żammejtha apposta minn taħt għax kien importanti. Dak li għandu x’jaqsam ma’ Malta u l-Partit Laburista naħseb li l-aktar ħaġa li rnexxieli mmexxi ‘l quddiem kienet ġrat waqt li kienet għaddejja l-kampanja elettorali ta’ sentejn ilu hawn Malta fejn kien hemm il-każ tal-Egrant … li għadu ħaj u għadu kbir.”
“It-tentattivi li kien qed isir biex l-Egrant tkun diskussa fil-Plenarja kienet taffettwa l-kampanja elettorali Maltija … allura l-arranġament li għamilt permezz ta’ ċerti negozjati kien biex l-item (tal-Egrant) ma jiġix diskuss qabel imma wara l-elezzjoni Maltija. U hekk sar.”
Alfred Sant qal li għandu fiduċja fir-rettezza tal-Prim Ministru.
“Fuq l–akkużi tal-Egrant ma kellix għalfejn inkellem lil Joseph Muscat. Jien mill-ewwel emmint li Joseph Muscat ma kienx involut ….. għax għandi fiduċja fih, għandi fiduċja fir-rettezza tiegħu. Jista’ jkun li għamel żbalji kemm ilu jmexxi. Imma li hu rett ma kelli l-ebda dubju dwarha. Allura ma kelli l-ebda problema fuq dik il-ħaġa.”
Alfred Sant qal li kien jistenna li ċerti istituzzjonijiet ikunu aktar trasparenti fil-mod kif imexxu ’l quddiem ir-rapportaġġ u kif jinkwadraw l-istorja tal-Egrant.
“Kien hemm min fl-opinjoni tiegħi ma ġabx ruħu b’mod trasparenti.”
Alfred Sant tkellem ukoll dwar kisbiet soċjali fil-Parlament Ewropew. Qal li kull sena ikun hemm diskussjoni dwar il-politika soċjali u ekonomika tal-pajjiżi membri.
“Jien kont Shadow Rapporteur għall-partiti Soċjalisti fl-2015 fuq ir-rapport ekonomiku. Hemmhekk in-naħa tal-lemin ma ridux idaħħlu d-dimensjoni soċjali fir-rapport. Allura rajt kif nagħmel biex fuq dak il-vot li kellu jittieħed ma nżommux l-alleanza bejn is-Soċjalisti u l-Popolari. Ir-rapport m’għaddiex u weħel mill-Plenarja tal-Parlament Ewropew.”
Dr Sant qal li fis-sena ta’ wara, fl-2016 kien hu li mexxa dak ir-rapport.
“Insistejna li ndaħħu id-dimensjoni soċjali fir-rapport, jiġifieri miżuri soċjali li jikkumpensaw għall-issikkar taċ-ċintorin u għaddejnieh quddiem il-Parlament Ewropew …. l-ewwel imblokkajna l-proċedura u mbagħad ftaħniha.”
Alfred Sant qal li jemmen fil-lealta` lejn il-Partit Laburista, lejn kull min imexxi il-Partit Laburista u jemmen fil-lealta` lejn Malta.