Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, ivvota kontra rapport lill-plenarja tal-parlament dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew biex jiddaħħlu taxxi ambjentali ġodda fuq il-fjuwil filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ u ġustizzja inkwantu tat-trasport sostenibbli bl-ajru.
Alfred Sant saħaq li, kif ilu jgħid kemm-il darba, it-taxxa ambjentali fuq il-pitrolju li qed tkun proposta mhux se taffettwa l-Istati Membri Ewropej bl-istess mod u esprima tħassib li l-aktar li ser jintlaqtu se jkunu l-gżejjer. Huwa ssuġġerixxa li t-tranżizzjoni tal-enerġija biex it-trasport bl-ajru jkun jista’ jiddekarbonizza ruħu trid tkun bla xkiel. Dan m’għandux jinkiseb billi titneħħa l-flessibbiltà operattiva u titnaqqas il-konnettività li hija vitali għall-gżejjer, reġjuni periferali u remoti li huma dipendenti ħafna fuq it-trasport bl-ajru.
F’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ proposti biex il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport, u t- tassazzjoni jkunu tajbin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55% sal-2030, imqabbel mal-livelli tal-1990 – il-pakkett ‘fit for 55’ maħsub biex ireġġa’ lura t-tisħin tal-klima. Dan il-pakkett jinkludi proposta biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal trasport bl-ajru sostenibbli, magħrufa wkoll bħala l-inizjattiva ReFuelEu Aviation.
Alfred Sant sostna li r-rapport ma jqisx il-bżonnijiet partikolari ta’ reġjuni gżejjer, periferali u remoti. Huwa wissa li ż-żieda f’daqqa fl-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli fi ħdan it-taħlita tat-trasport se tolqot ħażin lill-Istati Membri li l-ekonomija tagħhom tiddependi fuq l-importazzjoni u l-viżitaturi li jaslu bl-ajru. Barra minn hekk, huwa irrimarka li l-miżuri mmirati biex jindirizzaw il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil fir-Rapport tal-Parlament Ewropew jinjoraw realtajiet operattivi għal ajruporti remoti.