Alfred Sant qal li jekk l-Ewropa trid tiżgura suċċess fl-elezzjonijiet li qed joqorbu tal-Parlament Ewropew biex iservu ta’ tappa importanti għall-proġett Ewropew, l-istati membri jridu juru li wara snin ta’ awsterita`, qed jaħdmu favur titjib fil-qagħda tal-familji u ċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea kollha. Sant staqsa lil President tal-ECOFIN wasalx iż-żmien li ssir pressjoni biex il-paga minima tiżdied b’5% waqt laqgħa mal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru Vladislav Goranov, President tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-Presidenza Bulgara.
Vladislav Goranov, li ppreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ekonomija u l-finanzi, ma rreaġixxiex għall-proposta tal-Ewroparlamentari Malti.
Dr Sant argumenta li jekk titwettaq din il-proposta fl-istati membri, ikunu bbilanċjati d-diffikultajiet imqanqla mill-kompetizzjoni. Din il-proposta jekk issir tkun aktar effettiva biex jintlaħqu l-miri tal-inflazzjoni, mill-għodda monetarji li l-Bank Ċentrali Ewropew uża f’dawn l-aħħar snin. Miżura bħal din tista’ tiġi adottata biss f’livell ta’ Kunsill, qal Dr Sant.
“L-aħħar analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika turi li l-espansjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea kollha u fiż-żona ewro għadha għaddejja, u saret aktar wiesgħa. Minħabba dan it-titjib ekonomiku, m’għadux jagħmel aktar sens li jintużaw l-argumenti dwar awsterità biex il-klassijiet tal-ħaddiem, il-klassijiet tan-nofs u l-pensjonanti jiċċaħħdu minn titjib fil-poter tax-xiri tagħhom, filwaqt li l-korporazzjonijiet qed jingħataw il-prosit talli qed iżidu fil-profitti tagħhom.”
F’dan ir-rigward, żieda fil-pagi tikkontribwixxi lejn l-irkupru ekonomiku billi tnaqqas l-inugwaljanzi u tiżgura livelli għoljin ta’ għixien fiż-żona Ewropea, qal il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.