Is-sehem ta’ Malta mill-Budget tal-UE bejn 2021-2027 se jkun taħt il-lenti fiż-Żejtun il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju meta l-ġurnalist Manuel Micallef se jintervista lil Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Budget tal-UE.
L-ewwel Budget wara l-Brexit se jipprova jimla l-vojt li se jħalli t-tluq tar-Renju Unit mill-UE, waqt li jipprova jżid in-nefqa fuq prijoritajiet ġodda: diġitali, sigurta` u immigrazzjoni.
Id-diskussjoni se tmiss suġġetti ta’ interess partikolari għal Malta. X’kienet l-ewwel reazzjoni mill-kapitali tal-UE għall-proposti tal-KE? Kif se jaffettwa l-iżvilupp ekonomiku enormi fuq is-sehem ta’ Malta mill-Budget Ewropew? Kemm hija realistika l-figura ta’ €179 miljun li analisti qed jipproġettaw li se titlef Malta mill-Fondi ta’ Koeżjoni?
Dawn u temi oħra relatati se jkunu diskussi waqt il-Konferenza L-EWROPA WARA 2020: X’SE JKUN IS-SEHEM TA’ MALTA? fit-Teatru Pandora taż-Żejtun fis-6.30pm. Il-pubbliku mistieden jieħu sehem fil-Konferenza biex jifhem aħjar l-isfidi ta’ Malta f’dan il-punt partikolari tal-UE. Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jikkuntattjaw l-Uffiċċju ta’ Alfred Sant jew jibagħtu email fuq info@alfredsant.eu jew iċemplu 21490705. Ikun hemm riċeviment wara d-diskussjoni. Id-dħul huwa b’xejn.