F’mument fejn l-ekonomista u Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alfred Mifsud, jinsab taħt pressjoni b’rabta ma’ allegazzjonijiet li għamlet l-eks sieħba tiegħu għal 24 sena hu ppubblika ittra bit-talbiet li kienet għamlitlu fi żmien meta ħadu toroq differenti.
Dan flimkien ma’ stqarrija fejn qal li l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni kontra tiegħu huma instigati minn mibegħda u tpattija.
Mifsud qed ikun akkużat li rċieva flus li ma kellux jirċievi b’rabta mal-għażla ta’ sistemi tal-IT għal Mid-Med Bank meta kien ċermen fl-1996. Qal li dan kien proċess miftuħ li nvolva ħafna nies u fakkar li fetaħ libell b’rabta mal-akkużi li daħħal flus marbuta ma’ din is-sistema li qatt ma kellu jdaħħal. “Ftaħt proċeduri ta’ malafama mal-pulizija kontra Anna Zelbst,” żied Alfred Mifsud.
“Dawn l-azzjonijiet legali se jieħdu ż-żmien tagħhhom u jien seren li l-ġustizzja se tirbaħ u nkun illiberat minn kull akkuża,” qal Mifsud li minn naħa tiegħu saħaq fuq l-intenzjonijiet ħżiena ta’ Zelbst.
Żied li kieku Zelbst kienet ġenwina kienet tagħmel dawn l-argumenti meta laħaq Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali. “Imma dak iż-żmien kont qed niffinanzja t-tieġ kbir ta’ bintha u l-ġojjellerija tagħha għal dan l-avveniment,” kiteb Mifsud.
Kien hawn li reġa’ sostna kif issa ħarġet b’dawn il-qlajjiet għax ma laqax it-talbiet f’ittra tal-ewwel ta’ Mejju.
Il-kariga ta’ Gvernatur
Alfred Mifsud għamilha ċara li meta beda jidher li seta’ jkun ikkunsidrat għal gvernatur għażel li ma jkunx rikattat.
“Finalment, irrid niċċara li jiena qatt ma kelli konferma uffiċjali li se nkun Gvernatur u din hija deċiżjoni tal-Kabinett u l-Bank Ċentrali Ewropew. M’għandiex problema li ninqabeż jekk dan hu fl-interess tal-pajjiż u l-organizazzjoni,” żied Mifsud.
Anna Zelbst hija l-persuna li Daphne Caruana Galizia qed tibbaża l-akkużi tagħha fuqhom. Sa ftit xhur ilu lil din kienet tindirizza bħala ‘chambermaid’ u għalkemm illum neħħiet l-artikli kontra tagħha minn fuq is-sit tagħha xorta waħda għadhom jinqabdu b’sistemi ta’ tfittixija sempliċi.