“Tlifna protagonist u aġent tal-modernizzazzjoni ta’ Malta.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista, Alfred Sant, f’kumment lil ONE News wara t-tħabbira tal-mewt tal-Professur Edwin Grech, li kien Ministru fil-leġiżlatura meta huwa serva bħala Prim Ministru bejn l-1996 u l-1998.
“Edwin Grech u familtu ħallsu prezz qares ħafna għall-impenn tiegħu lejn l-immodernizzazzjoni ta’ pajjiżna u għandna d-dmir, aħna lkoll, li waqt li nsellmulu, nirrikonoxxu s-sagrifiċċji li kellu jġorr hu, u familtu, bil-qtil tat-tifla tiegħu, Karin, f’ċirkostanzi traġiċi.”
Alfred Sant kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma li għamel il-Professur Grech.
“Edwin Grech ta kontribut enormi lejn l-iżvilupp tas-servizzi, ukoll fl-iżvilupp ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u saħħa sesswali, li llum noħduhom bħala normali, imma li fiż-żmien kienu mitqiesa bħala mbiegħda mis-soċjetà tagħna.”
L-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Charles Mangion, tkellem dwar kif il-Professur Grech telaq il-karriera tiegħu biex ta s-servizz tiegħu f’pajjiżna.
“Ġie f’pajjiżna fl-eqqel tal-battalja biex aħna, il-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi minn Duminku Mintoff, iwaqqaf is-Saħħa b’xejn. Kellek il-forzi kollha mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kien kontra tagħha. U hemmhekk, dan telaq karriera minn barra u ġie jgħin lill-poplu Malti u hemmhekk, malli smajt l-aħbar, għidt li dan bniedem li dan verament iħobbu lil pajjiżu. Kont nafu bħala l-vittma, il-missier li tilef lill-bint. Naħseb li dak il-qtil politiku definittivament iddefinih hekk illi dan bintu ġiet issagrifikata għax hu ried jgħin lill-poplu Malti.”
Tkellimna wkoll mal-eks Ministru Gavin Gulia, li tkellem dwar ir-relazzjoni li kellhom bħala kollegi fil-Kabinett.
“Kien jgħidli, ‘Ara ż-żgħir!”, u allura naturalment jien kont infittex anki l-gwida tiegħu, minħabba l-ewwel nett il-ġentilezza tiegħu, l-umaniżmu kbir tiegħu, u allura parir politiku kont naf li qed nieħdu anki mill-perspettiva ġentili u umana tiegħu. Minkejja t-tbatijiet li għadda minnhom, kien persuna internalment ferrieħi ħafna.”